Josep Bartomeu kkritikat minn Javier Tebas

Il-president ta’ La Liga, Javier Tebas, ikkritika lill-ex president ta’ Barcelona li rriżenja mill-kariga aktar kmieni din il-ġimgħa, Josep Maria Bartomeu, u l-kummenti tiegħu dwar Super League Ewropew li huwa fisser bħala “kompetizzjoni fantażma.”

Bartomeu – li rriżenja mir-rwol tiegħu bħala l-kap tal-Blaugrana nhar it-Tlieta li għadda – ikkonferma li l-club aċċetta stedina biex jilgħab f’Super League Ewropew ġdid, fi kwotazzjonijiet imwettqa minn Diario Sport: “Barcelona aċċettaw proposta biex jilagħbu fis-Super League Ewropew.

“Dan jiggarantixxi l-vijabbiltà finanzjarja li l-club imur ‘il quddiem. Aċċettajna t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal-futur.”

Il-ġurnal Spanjol, Diario AS, iddeskriva l-pjani għal Super League Ewropew teoretiku nhar l-Erbgħa, u sostna li 18-il team minn madwar l-Ewropa jistgħu jikkompetu fil-kompetizzjoni u hemm l-intenzjoni li l-logħbiet jibdew mill-2022.

Huwa ppjanat li jieħdu sehem 16 jew 18-il team fil-kompetizzjoni, li tkun iffinanzjata mill-bank JP Morgan.

Jingħad li l-ikbar clubs fi Spanja, l-Ingilterra, l-Italja, il-Ġermanja u Franza, kollha jinsabu f’taħditiet rigward il-kompetizzjoni l-ġdida, li għandha l-għan li tirreplika l-mudell tal-basketball tal-Euroleague.

Mhux ta’ b’xejn, li l-kap ta’ La Liga, Tebas, issa kkundanna dawn il-pjani – li jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni li hu jirregola.

“Sfortunatament, Josep Maria Bartomeu, fl-aħħar jum tiegħu ħabbar il-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni fantażma li twassal għar- rovina għal Barcelona, u tikkonferma l-injoranza tagħhom fl-industrija tal-football,” kiteb Tebas fuq Twitter.

Share With: