Jurgen Klopp għadu interessat f’Adama Traore

Il-coach ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, għadu interessat li jkollu fl-iskwadra lill-winger ta’ Wolverhampton Wanderers, Adama Traore. Huwa għandu 24 sena u ilu jissemma’ b’ċertu insistenza li jista’ jmur jilgħab f’Anfield fil-futur mhux ‘il bogħod. 

Traore kien isem komuni fil-kurituri ta’ Anfield Road matul dan is-sajf iżda minħabba raġuni jew oħra ma kien hemm l-ebda ftehim f’dan ir-rigward. Kien għalhekk li d-diriġenti tar-Reds iffirmaw lill-player Portugiż, Diego Jota, mingħand l-istess Wolves sabiex isaħħu l-attakk tagħhom. 

Madankollu, kif jgħidu, Jurgen Klopp għandu rasu iebsa u jekk ikun irid xi ħaġa, jagħmel minn kollox biex jakkwistaha. Kien għalhekk li qal lill-istess diriġenti tal-klabb sabiex għax-xhur li ġejjin ikomplu jippersistu biex jieħdu lil Traore lejn Anfield Road possibbilment f’Jannar li ġej. 

Klopp huwa ammiratur kbir ta’ Traore fejn jiftakar sew il-logħba kbira li lagħab ma’ Wolves f’Jannar li għadda kontra l-istess Liverpool. Meta ħalla l-kummenti tiegħu wara l-logħba, il-coach Ġermaniż qal li Traore hu plejer inkredibbli u baqa’ impressjonat bir-ritmu tiegħu waqt il-logħba.

Wolves qed jitolbu s-somma ta’ £60 miljun għall-player ta’ 24 sena u qed jiġi msemmi wkoll għal ritorn ma’ Barcelona.

Traore ilu ma’ Wolverhampton Wanderers sa mis-sena 2018 fejn skorja ħames goals fi 68 partita. Fil-passat hu lagħab ukoll ma’ Barcelona, Aston Villa u Middlesbrough.

Share With: