Kannabis: It-triq ‘il quddiem

Miktub minn Miriam Dalli

Fil-ħidma tiegħi nagħmel l-almu tiegħi biex naċċerta ruħi li nieħu lil Malta fil-livell li jmiss. Dan mhux biss motto imma r-raġuni għalfejn dħalt fil-politika: biex dejjem nara progress fis-soċjetà li ngħix fiha u li fiha qed inrabbi lil uliedi. Għalhekk nieħu gost meta niltaqa’ ma’ żagħżagħ li jressqu ’l quddiem proposti li jinteressawhom minkejja li jistgħu anke’ jkunu kontroversjali. Iż-żgħażagħ għandhom jitħallew iwasslu dawn il-messaġġi u joħolqu diskussjoni. 

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti riċentement ressqu mozzjoni intenzjonata biex tindirizza realtajiet f’pajjiżna li għal żmien twil tħallew taħt it-tapit. Kienet wegħda tal-Partit Laburista li jkun mniedi dibattitu fuq livell nazzjonali dwar jekk u kif għandu jkun hemm passi ulterjuri biex ikun dikriminalizzat l-użu tal-kannabis. Iż-żgħażagħ Laburisti qed jipproponu fost l-oħrajn diskussjoni dwar l-użu personali b’mod responsabbli tal-kannabis. Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista ta’ din is-sena, smajt b’interess il-preżentazzjoni dwar il-mozzjoni politika li ressqu dawn iż-żagħżagħ. 

Fost oħrajn tkellmu dwar l-effetti li rriżultaw wara li beda proċess leġislattiv biex ikun hemm dikriminalizazzjoni tal-użu tal-kannabis. L-FŻL qalu kif dawn ma kienux biss bidliet legali, imma wasslu wkoll għal tibdil fis-soċjetà, għaliex bil-mod il-mod, ċertu sterjotipi bdew ikunu indirizzati. Interessanti li l-mozzjoni tal-FŻL hija mibnija fuq żewġ pilastri importanti sabiex din l-istigma tkompli titkisser: il-kontinwazzjoni tar-riċerka u tal-edukazzjoni. 

Minkejja li l-użu tal-kannabis ġie dikriminalizzat għad fadal affarijiet li jistgħu jiġu ndirizzati bħal fatt li f’ċertu każijiet xorta jaf jittieħdu passi kriminali kontra persuna. Jekk se nitkellmu dwar tibdil fil-liġi rridu naċċertaw ruħna li l-proposti li jitressqu ’l quddiem jkunu bbażati fuq fatti, aktar milli perċezzjonijiet jew dak li naħsbu. 

Kwalunkwe’ tibdil fil-liġi jrid jieħu kunsiderazzjoni tar-realtà fit-toroq tagħna u l-fatt li meta persuna tfittex li tixtri l-kannabis tagħmel dan b’mod illegali bil-konsegwenzi li din iġġib magħha. Din hija kwistjoni li bħalissa qed taffettwa anke’ lil min juża l-kannabis għal użu mediku. 

Stħarriġ li sar ma’ l-Unjoni Ewropea sab li numru ta’ pajjiżi, inkluż ukoll pajjiżna qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ kannabis għal użu mediku. Il-pandemija COVID19 għamlet l-affarijiet aktar diffiċli. Nuqqas ta’ kannabis għal użu mediku fis-suq legali qed twassal biex numru ta’ pazjenti li jużaw dan it-trattament kienu qed jippruvaw isibu kannabis għal użu mediku f’dak li hu magħruf bħala l-black market

Fl-istess waqt hekk kif aktar pajjiżi qed jillegalizzaw l-użu tal-kannabis medika, id-domanda se tiżdied u nistgħu niġu f’sitwazzjoni fejn ikollna pajjiżi fejn din il-mediċina ma tkunx disponibbli. Dan joħloq inugwaljanza kerha ħafna: pazjent muġugħ iħoss l-istess uġigħ daqs pazjent ieħor, hu fejn hu fl-Unjoni Ewropea. L-uġigħ ma jafx minn fejn int jew xi proċessi u liġijiet hemm biex insibu mezzi li jtaffuh. Irridu nkunu aħna li naraw li ma jkollniex biċċiet ta’ leġiżlazzjoni frammentati fl-Unjoni Ewropea.

Jekk ma nagħmlux hekk, se nispiċċaw b’pazjenti li jew iħallsu prezzijiet eżorbitanti għat-trattament mediku tagħhom.  

Dawn huma issues li jridu jiġu ndirizzati u jistgħu jiġu ndirizzati billi nirricerkaw l-aħjar qafas leġislattiv li jista’ verament jindirizza r-realtajiet f’pajjiżna. 

Riċentement iltqajt ma’ Releaf, li qed iressqu proposti biex l-awtoritajiet lokali jkollhom viżjoni dwar suq regolat tal-kannabis għall-użu mill-adulti. Huwa grupp li qed jenfasizza l-importanza li jidħlu fis-seħħ bidliet leġiżlattivi bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem u li titnaqqas il-ħsara mill-użu tal-kannabis. Flimkien iddiskutejna l-importanza ta’ atitudni multidixxiplinarja, li tikkonsidra l-ħtiġijiet kollha flimkien: kemm jekk legali, soċjali, ekonomiċi jew edukattivi. 

Sabiex nasslu għal-livell li jmiss, irridu nkomplu naħdmu biex nippromwovu d-drittijiet tal-pazjenti u nimbotta għal soluzzjonijiet konkreti. L-istakeholders kollha għandhom jersqu ‘l quddiem biex iwasslu l-veduti tagħhom, huma x’inhuma dawn il-veduti biex verament ikollna diskussjoni infurmata. 

Share With: