“Kellmuna ħalli nkomplu ngħinukom”

Minn Matthew Vella, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards tal-Ħarsien Soċjali

 L-awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali temmen fl-importanza tad-djalogu u l-kollaborazzjoni biex inkunu nistgħu nilħqu livell ta’ eċċellenza fil-mod kif jingħataw is-servizzi ta’ ħarsien soċjali. Dan nemmnu li għandu jsir kemm ma’ dawk li jipprovdu s-servizzi, kif ukoll ma’ dawk li jirċivuhom u qrabathom.

 Illum li esperjenzajna u qed inkomplu nesperjenzaw din il-pandemija, aktar minn qatt qabel ikkonfermajna kemm dan il-proċess hu importanti u għalhekk irridu nkomplu nenfasizzaw li dan isir. Fil-fatt, anke fl-istrateġija li se nniedu għas-seba’ snin li ġejjin se naraw li nkomplu nisimgħu lin-nies u anke ninvolvuhom fil-proċess. 

Proprju għalhekk u minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari li żviluppaw fl-aħħar xhur fid-djar tal-anzjani, qegħdin nitolbu b’mod partikolari lil dawk l-anzjani li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ ħarsien soċjali biex jitkellmu magħna. 

Kellmuna jekk intom imħassbin dwar xi servizzi li qegħdin jingħataw, jew inkella jekk taraw li hemm xi nuqqasijiet. Kellmuna jekk tħossu li hemm xi nuqqasijiet jew inkella jekk tħossu li qegħdin jinkisru xi protokolli. 

B’dan il-mod inkunu nistgħu nistaqsu lil dawk li jipprovdu s-servizz, nibagħtu esperti li jiċċekkjaw u jagħmlu spezzjonijiet fil-post, filwaqt li niżguraw li dak li suppost qed jingħatalkom bi dritt ikun fil-fatt qed jingħata. 

Filwaqt li l-Awtorità qiegħda tagħmel eluf ta’ żjarat fid-djar tal-anzjani, biex tiżgura li l-protokolli kollha qegħdin jiġu osservati u s-servizz ikompli jingħata kif suppost, min-naħa l-oħra tħoss li l-anzjani nfushom jistgħu jkomplu jagħtuna aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni li qegħdin jgħixu fiha. 

Għalhekk inkomplu nħeġġu lill-anzjani residenti f’dawn id-djar, kif ukoll lill-qraba tagħhom biex iċemplulna fuq in-numru tat-telefon 25494345 ħalli nkomplu nisimgħu fejn hemm xi nuqqasijiet ħalli ninvestigaw u nirranġaw fejn hemm bżonn. 

Ta’ min wieħed jgħid li minn Jannar s’issa rċevejna xejn inqas minn 232 telefonata mingħand l-anzjani fir-residenzi jew inkella mingħand qrabthom. It-telefonati kollha ġew investigati mill-assessuri u l-esperti tagħna fi ħdan l-Awtorità u b’hekk stajna nieħdu l-azzjoni meħtieġa. 

Gruppi konsultattivi ta’ persuni li jużaw is-servizz

Biex dejjem inkomplu nżidu r-rispons li nirċievu mingħand dawk li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ ħarsien soċjali, fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin noħolqu dawk li jissejħu Gruppi Konsultattivi ta’ Persuni li Jużaw is-Servizz. 

Bħala gruppi, dawn mistennija jservu ta’ vuċi għal dawk li jkunu qegħdin jingħataw xi servizz, billi jkunu involuti direttament fuq il-pjattaformi ta’ kollaborazzjoni. L-għan aħħari hu li nifhmu kif is-servizz jista’ jitjieb biex nilħqu l-bżonnijiet tagħhom. 

Permezz ta’ dan id-djalogu mal-persuni li jkunu jagħmlu użu mis-servizz għandna naslu biex nifhmu eżatt dak li hemm bżonn fis-servizz, filwaqt li nkunu nafu x’inhuma d-diffikultajiet li qegħdin jiffaċċjaw. Finalment, dan kollu mbagħad għandu jiġi rifless fl-iStandards Soċjali Regolatorji li se jiġu ppubblikati, fejn naraw li permezz tagħhom nagħtu l-għajnuna kollha li għandhom bżonn dawn il-persuni. 

Bħala gruppi, dawn se jkunu qegħdin jinqasmu fi tlieta biex jolqtu s-setturi kollha li tirregola l-Awtorità. Dawn huma s-setturi tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità; it-tfal u ż-żgħażagħ; u l-persuni bi problemi ta’ abbuż tas-sustanzi u dipendenzi oħra, servizzi fil-komunità u individwi li esperjenza vjolenza domestika. 

Għal dan l-eżerċizzju qegħdin nitolbu biex jieħdu sehem kemm dawk li jagħmlu użu minn xi servizz ta’ ħarsien soċjali, kif ukoll il-qraba tagħhom. Nistidnukom biex jekk tixtiequ tagħmlu d-differenza fis-settur tal-ħarsien soċjali tissieħbu f’dawn il-gruppi u tgħinunha biex dejjem inkomplu ntejbuhom. 

Dawk li huma interessati jew jixtiequ aktar informazzjoni huma mitluba li jibagħtu email fuq communications. scsa@gov.mt jew inkella jkellmuna permezz tat-telefon 25494345. 

Share With: