Kieran Tierney f’iżolament minħabba l-Covid-19

Il-club tal-Kampjonat Premier Ingliż Arsenal xejn ma ħadu tajjeb id-deċiżjoni tal-federazzjoni tal-football Skoċċiża li jpoġġu f’iżolament lid-difensur tagħhom Kieran Tierney. Dan tal-aħħar intqal li kien f’kuntatt mal-player ta’ nofs il-ground Stuart Armstong li eventwalment instab pożittiv għall-Covid-19 wara swab test li sarlu.

Kien għalhekk li t-team mediku tal-Gunners ħarġu stqarrija fejn qalu li l-player ta’ 23 sena kien qed iżomm sew id-distanza soċjali u fl-ebda mument ma kien qed jikser il-protokoll mħejji. L-istess grupp mediku se jkun qed jiċċara aktar is-sitwazzjoni għalkemm bħalissa qed jieħu xi pariri mediċi mill-awtoritajiet tas-saħħa Ingliżi dwar dan il-każ.

Anke Tierney deher ferm frustrat u diżappuntat dwar din id-deċiżjoni fil-kummenti li ħalla hekk kif saħaq li hu qatt ma kiser il-protokoll. Fl-istess waqt huwa kien diżappuntat mill-fatt li ma tħallix ikompli s-sessjonijiet ta’ taħriġ mat-tim nazzjonali Skoċċiż li min-naħa tiegħu qagħad b’seba’ għajnejn fuq il-każ.

Share With: