KIF IKUNU JAFU

Miktub minn ALFRED SANT

Ifettilek tara tixtrix xi ħaġa bl-internet… ktieb ħa, mingħand Book Depository… u jibdielek. Kif tibqa’ għal jiem wara, meta tkun qed iżżur siti oħra li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ fejn tkun dħalt qabel, issib isegwuk riklami għall-kotba li stajt xtrajt u reġa’ bdielek?

Mill-kompjuters li nużaw bħala għodda ta’ kuljum, qed jiġi organizzat spjunaġġ bla waqfien fuq kif ngħixu u x’qed nagħmlu. Dan isir mill-istess kumpaniji ġgantin diġitali li qed “jaqduna”. Qed jagħmluha dejjem b’aktar saħħa u bla skrupli ta’ xejn. Taparsi hemm kontrolli fuq kif jiġi miġbur it-tagħrif dwar x’qed tagħmel in-nies bil-kompjuters li tuża.

Il-kumpaniji diġitali l-kbar, il-GAFA kif inhuma magħrufa (Google, Apple, Facebook, Amazon) jilagħbuha tal-qaddisin u dejjem iżidu fl-ispjunaġġ tagħhom, li minnu jagħmlu flejjes kbar. Rapport li ħareġ il-Kungress Amerikan dan l-aħħar jipprovdi dettalji xokkanti dwar kif qed isiru l-affarijiet.

BAQGĦET TINFIREX

Fl-aħħar ġimgħat l-imxija tal-corona virus baqgħet iżżid fil-pressjoni tagħha fuq il-popli. 

Ftit skantaw b’li ġralu l-President Trump u sħabu tal-White House. Pandemija ma tisfidahiex bil-kliem sbieħ u l-pożi. Min-naħa l-oħra, fil-Ġermanja b’mod ġenerali, l-affarijiet tmexxew b’galbu. Għal żmien, dan wera fil-mod kif l-imxija hemm għamlet deni anqas minn f’imkejjen oħra. Mill-ġimgħa li għaddiet lil hawn, din l-istampa bdiet tinbidel sew…

Għalissa ma narax li jista’ jkun hemm triq oħra ħlief li jiżdiedu l-kontrolli li jrażżnu l-imġiba publika tan-nies. Mhuwiex xenarju sabiħ.

LE, IVA, ASTENSJONI, ASSENZA

Fil-votazzjonijiet li jsiru fil-Parlament Ewropew jinqalgħu okkażjonijiet fejn taqbel jew ma taqbilx ma’ proposti li jsiru għal raġunijiet li mhux dejjem l-istess. Jiġu mumenti fejn f’emendi partikolari mressqa dwar partijiet ta’ mozzjoni tħoss li l-anqas biss għandu jitqajjem il-punt tal-emenda, imma xorta tkun mistenni li tivvota fuqu.

Issa mhux bħal fil-Parlament Malti, l-Ewropew jipprovdi biex id-deputati mhux biss ikunu jistgħu jivvotaw iva jew le, imma anke jastjenu.

Matul is-snin bdejt insib li anke dawn it-tliet possibilitajiet mhumiex biżżejjed. Għax jekk ngħidu aħna, qed titqajjem xi ħaġa li int tħoss kif lanqas biss għandha tissemma, mela jekk tivvota le, iva jew tastjeni, qed talanqas taċċetta li għandha tissemma. 

Allura bdejt fuq ċerti punti tal-aġenda, anke waqt li nkun preżenti, kif jintwera mill-voti fuq mozzjonijiet oħra li nvvotaw fuq fl-istess seduta, ma nivvotax. Ħalliha li mbagħad nagħti vot fuq ir-riżoluzzjoni kollha kemm hi.

Dis-sitwazzjoni qed insibha pikkanti. Qatt qabel fuq materja ta’ deċiżjoni politika li ma tkunx elezzjoni, ma stajt nagħżel bejn 4 toroq.   

Share With: