Kisser flixkun tal-ħġieġ u fetaħlu rasu bih “għal xejn b’xejn”

Somalu ta’ 45 sena baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li darab gravi Somalu ieħor meta kisser flixkun tal-ħġieġ u fetaħlu rasu bih. 

Abdulaziz Hasan Abdikadir, li m’għandu l-ebda residenza fissa f’pajjiżna, wieġeb mhux ħati li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Mustaf Biihi Abdi.

L-Ispettur Jonathan Cassar spjega fil-Qorti li l-każ seħħ is-Sibt, għall-ħabta tal-4.15 a.m. fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan. Il-Pulizija kienu marru fuq il-post u hemm sabu persuna ta’ nazzjonalità Somala mixħuta mal-art bid-demm ma’ wiċċha. 

Waqt li kien fuq il-post, il-vittma identifika lill-imputat bħala dak li kien tah daqqa ta’ flixkun u qal li kien tahielu “għal xejn b’xejn.” Sussegwentement, l-allegat aggressur ġie arrestat. 

Fil-Qorti ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Abdikadir u għaldaqstant baqa’ jinżamm arrestat. 

L-Avukat Noel Bartolo deher għal Abdikadir. 

Share With: