Klassijiet soċjali

Minn Alfred Sant

Xi ħadd qalli kif il-kunċett ta’ “klassi soċjali” ftit baqagħlu qima fl-istudji akkademiċi – jitqies bħala antikwat f’dinja globalizzata li tiddependi mill-internet għal-kumnikazzjoni u fejn is-servizzi saru jiddominaw fl-ekonomiji avvanzati.

Għadni ma vverifikajtx kemm dan hu minnu. Jekk hu minnu, jidhirli bħala żball kbir. Hi ħaġa ċara li l-klassijiet soċjali kif kienu maħsuba fi żmien Marx u Engels żgur mhumiex l-istess bħal tal-lum. Biss il-fehma li kien qanqal il-Marksiżmu li s-saffi tal-poplu jingħarfu l-aktar bejniethom skont il-mod kif materjalment, jaqilgħu l-għajxien ekonomiku tagħhom għadu jgħodd.

Inbidlu l-ekonomiji u nbidlu r-rabtiet bejn il-bniedem u l-ħajja ekonomika tiegħu, rabtiet li jagħtuh imbagħad identità soċjali. Hu f’hekk li klassi soċjali tissawwar b’eżistenza u interessi differenti minn ta’ klassi oħra. Klassi soċjali “tal-lum” hi differenti bil-kbir minn waħda tas-seklu 19. Imma xorta t-tnejn jibqgħu “klassi” fil-komunità.

Jista’ jkun li fil-ħeġġa biex nuru kemm inbidlet id-dinja, ma nindunawx ukoll kemm baqgħet “l-istess”. Dnub li mid-dehra huma l-populisti biss li ndunaw b’dil-ħaġa.

***

KONTROLLI FUQ IL-KAPITALI

Iċ-ċaqliq tal-kapitali bejn pajjiż u pajjiż, mad-dinja kollha, ġie liberalizzat  bħala parti mir-“riformi” ta’ żmien Reagan u Thatcher, l-parrini tal-globalizzazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ma kinux aktar se jżommu lġiem fuq kif kumpaniji, banek u individwi setgħu joħorġu jew idaħħlu miljuni u biljuni ta’ fondi u ta’ investimenti mill-fruntieri.

Imbagħad beda jinstab li b’hekk, żdiedu l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxi, il-frodi, l-appoġġi għat-terroriżmu… fost dnubiet oħra.

Bdew jiddaħħlu kontrolli ġodda, mhux aktar miżmuma skont il-fruntieri imma skont xi jkunu t-transazzjonijiet. Qabel, il-kontrolli kienu nazzjonali u mħaddma skont ċerti regoli. Illum huma kapillari li jitħaddmu proġett proġett skont regoli li jafu jkunu restrittivi daqs dawk tal-bieraħ.

***

PROSPEKTUS

L-affarijiet iż-żgħar jiswew… għalkemm ma rridux naħsbu li se jiswew aktar milli jifilħu jġorru.

Bħala parti mill-mod kif tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ suq kapitali wieħed Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea kienet ħarġet regolament li jippreskrivi prospektus dettaljat kull meta kumpanija tagħmel sejħa biex in-nies tinvesti fiha, bħala parti mix-shareholding tagħha, jew f’ċedoli ta’ self. Fih trid tagħti ħafna dettalji dwar l-operat u l-prospetti tagħha.

Issa qed jinħass il-bżonn li biex nilqgħu għall-imxija tal-corona virus, il-proċeduri li bihom jingħata dat-tagħrif jitħaffu, imma mingħajr ma jnaqqsu mill-protezzjoni mogħtija lill-investitur prospettiv. Hi idea tajba, għax maħsuba biex taġevola l-mod kif jinġema’ aktar investiment privat ħalli jiffinanzja l-irkupru ekonomiku vitali. Fl-istess ħin tqajjem mistoqsijiet. Fi żmien tal-aqwa diffikoltà, kemm jagħmel sens li ċċekken il-mod kif investituri jkunu mgħarrfa bil-ħidma proposta?

Share With: