Kristoffer Ajer osservat sew minn AC Milan

Hekk kif  AC Milan lagħbu fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League kontra Celtic, id-diriġenti u l-iscouts Taljani kienu qed iħarsu b’mod speċjali lejn id-difensur ċentrali Norveġiż, Kristoffer Ajer. Huwa għandu 22 sena u matul dawn l-aħħar ġimgħat tas-suq tat-trasferimenti kien qed jissemma b’ċertu insistenza mar-Rossoneri.

Id-diriġenti tal-club mill-belt ta’ Milan raw sew lil dan il-plejer kull meta kellu l-ballun u nnutaw it-teknika li għandu tant li l-coach Stefano Pioli informahom sabiex għas-sessjoni ta’ akkwisti f’Jannar li ġej, hu jkun il-prijoritá ewlenija. Dan tal-aħħar spikka ferm fil-logħbiet ta’ Celtic filwaqt li għenhom jirbħu diversi partiti ferm importanti fl-erba’ snin li ilu magħhom.

Fil-fatt Ajer lagħab 90 partita mat-team minn Glasgow u skorja erba’ gowls. Kollox jidher li dan il-plejer jista’ jilbes il-flokk aħmar u iswed tal-club fix-xhur li ġejjin hekk kif mistennija jintensifikaw it-tentattivi tal-ogħla awtoritajiet tal-club sabiex jiksbu l-firma tiegħu.

Share With: