Kumpaniji mħassbin

Miktub Minn Victor Vella

Kumpaniji f’pajjiżna li huma involuti fil-ġarr ta’ merkanzija minn u lejn Malta jinsabu mħassbin bl-aħħar żviluppi fejn jirrigwardaw il-pjani tal-Gvern Ingliż b’rabta mal-Brexit. Sidien ta’ kumpaniji f’Malta qed jitħassbu dwar il-fatt li l-Gvern Ingliż se jkun qed jagħmel madwar għaxar ċentri biex hemmhekk isiru il-verifiki tal-prodotti li jkunu deħlin jew ħerġin mir-Renju Unit. Ma’ dan imma, mis-sena d-dieħla, kull min imur lejn ir-Renju Unit mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kemm għal vaganza kif ukoll b’xogħol jew xufiera ta’ trakkijiet, dawn ma jistgħux jidħlu bil-Karta tal-Identità imma bil-passaport. 

Sid ta’ kumpanija li tkellem ma’ inewsmalta enfasizza li “sa issa kont iddaħħal il-merkanzij jew toħroġha bi proċedura sempliċi, l-istess kif nagħmlu mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-proċeduri ġodda li smajna bihom fl-aħħar sigħat, lilna se jżidulna kemm ix-xogħol b’rabta ma’ tħejjija ta’ dokumenti u anke spejjeż.”

Mistoqsija jekk dan l-iċċekkjar jistax jaffettwa l-prodotti tal-merkanzija, l-istess sid qalilna li “sa issa għadu kmieni biex wieħed jgħid x’se jiġri. La jiżdied ix-xogħol marbut ma’ proċessar ta’ dokumenti, se jfisser aktar ħin u aktar spejjeż. Biss għadu kmieni li nitkellmu fuq hekk, għalkemm il-multi li qegħdin jissemmew m’humiex żgħar”.

Sid ieħor ta’ negozju. qalilna li “l-proċeduri l-ġodda jaffettwaw ix-xufiera tagħna, li jġibu x-xogħol mir-Renju Unit, għax dan hu wieħed mill-aħjar swieq tagħna, iridu jkunu konformi miegħu. Dan ifisser li biex jidħlu fir-Renju Unit, irid ikollhom id-dokumenti kollha neċessarji skont dak mitlub.”

Hu spjegalna li ‘dan kollu hu marbut mal-ħruġ tar-Renju Unit mis-suq. wieħed fil-31 ta’ Diċembru.  Mill-ewwel informazzjoni li ġbarna jidher li se jkun hemm postijiet li jidherli se jkunu imsejħin ‘lorry park’  fejn  hemmhekk se jkun hemm il-verifiki tad-dokumenti u l-merkanzija li tkun qed tinġarr. Dan jidher li mhux se jsir fil-portijiet, għax jidher li ħafna portijiet m’għandhomx spazju imma se jsiru f’żoni oħra. Titħasseb meta tibda titkellem mal-operaturi fir-Renju Unit u dawn jgħidulek li wieħed jistenna li se jkun hemm kjuwijiet f’dan iċ-ċentri ta’ eluf ta’ trakkijiet jistennew li jsirulhom il-verifiki. Qed isemmu kju ta’ bejn 5,000 u 6,000 trakk jekk in-negozji ma jippreparawx id-dokumenti tajjeb. Anki fejn se jsiru iċ-ċentri, jistgħu jkunu problema. Qed isemmulna Kent, li jintuża spiss imma mbagħad hemm żoni oħra bħal North Weald Airfield, Essex, Cheshire u Ebbsfleet International Station”.

L-istess negozjant qalilna li “bħalissa ninsabu f’inċertezza għax x’se jiġri eżatt ma nafux. Hemm min donnu qed jittama li xorta jintlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar ftehim ta’ kummerċ, imma hemm oħrajn li huma xettiċi ħafna. Li hu żgur li l-gvern Ingliż issa ħabbar l-pjani biex minn Ottubru tas-sena 2021 kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun dieħel fir-Renju Unit irid bilfors jagħmel dan bil-passaport”. 

Spjegalna li “kif jidhru l-affarijiet bħalissa, min ma jkunx konformi mad-dokumentazzjoni jista’ jeħel multa, waqt li aħna bħala negozji irridu  dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni. Dan meta qabel kien hemm proċedura sempliċi ħafna.”

Share With: