L-akbar numru ta’ pazjenti bl-ITU kaġun tal-Covid-19 minn Marzu li għadda

Bħalissa hemm 12-il pazjent li huma pożittivi għall-Covid-19 li qed jirċievu kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt li tat l-aġġornament tagħha llum. Din hija l-ogħla numru ta’ pazjenti fl-ITU sa mill-bidu tal-pandemija f’pajjiżna f’Marzu li għadda.

Il-Professur Gauci qalet li l-medja tal-każi ġodda fuq medda ta’ sebat ijiem hija ta’ madwar 140 każ kuljum. Hija ddeskriviet din iċ-ċifra bħala għolja ħafna, u li rriżultat f’numru għola ta’ pazjenti li qed jiddaħħlu l-Isptar għall-kura.

Tenniet li l-clusters tal-familji u mill-post tax-xogħol għadhom l-akbar. Intant hija qalet li f’Għawdex hemm 44 każ attiv.

Fl-aġġornament tagħha l-Professur Gauci qalet li dawk il-persuni li jaqgħu fi gruppi ta’ età aktar żgħira għadhom l-aktar li qed jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19, bl-età medja matul il-ġimgħa tkun ta’ 38 sena.

Żiedet tgħid li s-sitwazzjoni fi djar tal-anzjani tinsab taħt kontroll, b’każi ġodda li jiġu reġistrati fihom ikunu inqas komuni.

Madankollu l-Prof Gauci qalet li l-imxija tal-virus fil-komunità hija serja ħafna, u ħeġġet għall-użu tal-maskri u miżuri ta’ mitigazzjoni oħrajn biex din l-imxija tiġi kkontrollata.

Hija saħqet li l-awtoritajiet qed iżidu n-numru ta’ persuni fil-call centre tal-Covid-19. Hija ħeġġet lin-nies biex jimxu mal-istruzzjonijiet mogħtijin meta persuna tirriżulta pożittiva għall-virus.

Hija għamlet referenza għall-app li ġiet imnedija u li tgħin fil-proċess ta’ contact tracing, b’129 persuna li jagħmlu użu minn din l-app jirriżultaw pożittivi għall-virus.

Fir-rigward tar-rapid tests, il-Prof. Gauci qalet li dawn se jkunu qed jipprovdu riżultat f’inqas ħin. Madankollu wieħed ikun jeħtieġ li jagħmel swab test biex ir-riżultat jiġi kkonfermat.

Qalet li l-awtoritajiet qed jagħmlu l-aħħar reviżjonijiet tat-testijiet qabel dawn jibdew jintużaw il-ġimgħa li ġejja.

Share With: