“L-annimali mhumiex ta’ sagħtejn kuljum billejl … Ma nifilħux aktar terturi” – Il-karba tar-raħħala fi kwarantina

Ir-raħħala jappellaw għal direzzjoni ċara biex jimxu mal-liġi filwaqt li jieħdu ħsieb il-bhejjem tagħhom

Miktub Minn BRIAN GATT

Il-miżuri mħabbra fl-aħħar xhur b’rabta mas-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 ħallew effetti fuq diversi setturi fis-soċjetà li ngħixu fiha. Dan is-sit tkellem ma’ wieħed min-numru ta’ raħħala li fl-aħħar ġimgħat spiċċaw kwarantina, anke jekk il-maġġoranza tagħhom rriżultaw negattivi għat-test.

“Spiċċajna jien, il-mara u t-tfal kwarantina għax waħda mill-għalliema tat-tifel irriżultat pożittiva. Ovjament it-telefonata ħasditni, għax ir-razzett kelli t-tieni familja li ma stajtx inħalli warajja għal ġimagħtejn sħaħ”.

Dan ir-raħħal spjegalna li minkejja tentattiv wara l-ieħor biex jara kif jista’ jżomm bilanċ bejn il-kwarantina u l-ħarsien tal-annimali tiegħu, kellhom jgħaddu erbat ijiem biex ngħata konferma li jista’ joħroġ sagħtejn wara l-11:00 p.m biex jagħlef. Qalilna li fl-ewwel erbat ijiem kellu biss żewġ għażliet li l-ebda waħda minnhom ma kienet tagħmel sens; jew li tmur xorta r-razzett u tikser il-liġi, jew li tqabbad lil xi ħadd, “imma għidli ftit, int tafda lil uliedek għal ġimagħtejn ma’ xi ħadd barrani?”

Kompla jirrakuntalna li ċempel ħafna drabi fl-ewwel ġranet sakemm fl-aħħar ġie notifikat li seta’ joħroġ sagħtejn wara l-11:00 p.m. Għal darba oħra din ma kinitx deċiżjoni li tirrispetta t-trobbija tal-annimali, għax dawn bħan-nies, “ikunu draw il-ħin tal-ikel u barra minn hekk għandi xi nagħġiet bħalissa qed jixtru; jekk tbati x’ħin tiġi biex tixtri n-nagħġa m’għandekx ħafna fejn tmur, f’temp ta’ ftit sigħat jaf titlifha b’kollox! Apparti l-kuxjenza li mietet bla ħtija b’kollox li għalija dik m’għandhiex prezz, min se jagħmel tajjeb biex jien nibqa ndawwar ir-rota u naqdi lill-klijenti tiegħi? Ngħidilhom jagħtuni ftit ċans għax in-nagħġa tlifta b’kollox waqt li kont kwarantina? Każ ieħor, jekk kollox jiġi b’wiċċ il-ġid u n-nagħġa ma tqumx? Min se jisqihom il-frieħ? Għalkemm mhux kulħadd jemminna, aħna litteralment nisqu dawn il-ħrief daqslikieku kienu t-tfal tagħna, anke bil-flixkun u l-gażaża jekk hemm bżonn.”

Ir-raħħal qalilna li ma jiflaħx jibqa’ aktar sieket u li f’dan ix-xogħol, min jaħdem fih, jaf li biżżejjed mingħajr ħdud u festi trid taffaċċja problemi kontinwu, aħseb u ara kemm dawn in-nies jifilħu aktar kundizzjonijiet diffiċli.

“Jien ma nitkellimx fl-arja, dak li spjegajt lill-awtoritajiet sfortunatament seħħ. Il-muntun ħataf ħafna minħabba li mort nagħlef wara jumejn u spiċċa ntefaħ u mietli”, kompla jgħidilna b’qalbu maqsuma.

Agħar minn hekk huwa jinsab iddispjaċut ħafna li mhux talli kellu jitilfu, iżda talli meta kkuntattja l-awtoritajiet mill-biċċerija biex imorru jiġbruh; minħabba li hu ma setax imur bih, qalulu li dak ma setax jinġabar mill-uffiċjali tagħha minħabba s-sitwazzjoni tiegħu fi kwarantina minħabba biża’ ta’ tixrid tal-virus. Għaddew il-15-il ġurnata u wara ġimgħa jbixx fuqu biex jevita li dan il-muntun ma jimtelhiex b’insetti li jistgħu jkunu ta’ detriment għalih u għall-bqija tal-merħla, meta mar biex jeħles minnu huwa ġie mwaqqaf mill-uffiċjal “għax l-bhima kien ilha jiem mejta”. Qalilna li l-weġgħat kienu waħda f’waħda u li wara ħafna terturi l-muntun nħatt biex jinqered u jiġi evitat li jkomplu jinxterdu l-mikrobi.

Ir-raħħal tenna jgħid li l-karba tar-raħħala li sfortunatament minħabba diversi raġunijiet bħal donna mhijiex tasal jew qiegħda taqa’ fuq widnejn torox, hija waħda sempliċi “iggwidawna mhux tkomplu tagħmlulna ħajjitna aktar iebsa… ma nifilħux għal aktar terturi”.

Share With: