L-attur famuż Jeff Bridges iħabbar li għandu kanċer

Miktub minn CARMEN CACHIA              

L-attur Amerikan, Jeff Bridges, għadu kemm tella’ aħbar xokkanti fuq Twitter dwar saħħtu. Bridges ġie djanjostikat bil-kanċer tal-limfoma u fil-post li tella’ qal li minkejja din hija marda serja, iħossu fortunat li għandu tim ta’ tobba mill-aqwa u li l-pronjosi hija tajba.

Il-kanċer tal-limfoma jattakka s-sistema limfatika li hija parti mis-sistema tal-ġisem li tiġġieled il-mikrobi. Bridges, li issa għandu din il-battalja quddiemu, għamel referenza għall-“The Big Lebowski” fejn kiteb li, “bħal ma jgħidu… sirt naf b’aktar inkwiet” u ħabbar li se jibda t-trattament immedjatament. L-attur ta’ Hollywood qal li se jżomm lill-ammiraturi tiegħu aġġornati dwar l-iżviluppi tal-marda tiegħu u rringrazzjahom tas-sostenn li dejjem tawh.

Jeff Bridges, li għandu 70 sena, qal li huwa grat ħafna għall-imħabba u l-għajnuna li għandu mill-qraba u l-ħbieb fejn kiteb li, “nirringrazzjakom għat-talb tagħkom u għax-xewqat sbieħ li qegħdin tibagħtuli”. Huwa ħa din l-opportunità biex iħeġġeġ lill-poplu Amerikan biex imur jivvota għall-elezzjonijiet Presidenzjali tal-Istati Uniti.

Dan l-attur Hollywoodjan għamel diversi films li jinkludu “The Big Lebowski”, “Crazy Heart”, “True Grit” u “Hell or High Water”.

Share With: