L-ebda tkeċċija fil-WasteServ

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari magħmula mid-Deputat Nazzjonalista David Thake, iddikjara li ma kien hemm l-ebda tkeċċija filwaqt li kien hemm tlett riżenji fil-middle u top management tal-WasteServ. 

Tenna li “madankollu sar razzjonalizzazzjoni tal-organigramma hekk kif normali jsir f’entitajiet li huma kommessi li jtejbu l-operat tagħhom b’mod kontinwu. Dan l-istreamlining wassal biex jiġu issimplifikati l-linji ta’ rappurtaġġ, biex tinħoloq aktar sinerġija bejn id-dipartimenti, kif ukoll biex jittejbu r-riżultati tal-kumpanija.” 

Żied jgħid li bħala parti minn dan il-proċess, numru ta’ funzjonijiet li jeħtieġu sinerġija assoluta għaddew direttament taħt l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv il-ġdid li fih ġew integrati numru ta’ maniġers eżistenti kif ukoll ġodda. 

Tenna li “ġie ingaġġat awditur prinċipali ġdid ġewwa l-uffiċċju taċ-Ċermen u dan bil-għan li jiġu żgurati l-kontabilità u li l-kontrolli interni qegħdin jitħaddmu b’mod effettiv. Nikkonferma li ma hemm ebda diretturi tal-kumpanija li għandhom xi rwol eżekuttiv fit-tmexxija jew management tal-istess kumpanija. Nikkonferma wkoll li ma hemm l-ebda persuna fi ħdan il-WasteServ li qed isservi b’mod speċifiku bħala liaison bejn il-kumpanija u l-Ministeru. Ta’ min wieħed jispega li dan it-tibdil diġa qed iħalli l-frott b’numru ta’ suċċessi li ġew imħabbar diġa b’mod speċjali fejn jidħol ir-riċiklar, u b’oħrajn li ser jitħabbru fil-jiem li ġejjin.”

Share With: