L-Effett Psikoloġiku tal-Covid – 1

Miktub minn Katya De Giovanni

Maria, mara ta’ 26 sena u single parent ta’ żewġt itfal, Ryan u Rita. Maria taħdem f’kumpanija stabbilita f’pajjiżna fejn is-sigħat huma twal u x-xogħol huwa tassew stressanti. L-isfidi għal Marija huma kbar biex tlaħħaq max-xogħol u mal-esiġnezi tal-familja. Il-pandemija kompliet iżżidilha l-piż li trid iġġorr kuljum speċjalment bl-għeluq tal-iskejjel. Ma kellhiex ma’ min iżżomm it-tfal u kienet diġà rassenjat ruħha li se titlef xogħolha. Ghalkemm b’mod immedjat ingħatat l-opportunità li taħdem mid-dar, l-sfidi xorta ma naqsux billi kuljum trid tlaħħaq max-xogħol,tgħin lit-tfal fl-studju, biex ma nsemmux lix-xiri kif ukoll l-assistenza li trid tagħti l-ġenituri tagħha peress li huma vulnerabbli. Bħal Marija hawn bosta f’pajjiżna li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni simili. Tassew, bħal Marija hawn bosta li l-pandemija ħolqitilhom sitwazzjoni ta’ ansjetà.

Il-midja socjali tinkoraġġina nieklu ikel nutrittiv, tinkoraġġina nippruvaw attività bħall-yoga jew meditazzjoni, kif ukoll li nħarsu dejjem lejn il-pożittiv f’ħajjitna. Bħala psikologa ma nistax ma nosservax li dawn huma kollha strateġiji li jistgħu jaħdmu. Iżda rridu wkoll napprezzaw li s-sitwazzjoni tagħna ġewwa pajjiżna kienet u saħansitra hija differenti ħafna minn dak li wrietna l-midja f’pajjiżi oħra. Tassew, f’bosta pajjiżi lil hinn minn xtutna, kienu ħafna l-intraprizi żgħar li ma kellomx għazla għajr sli jagħlqu l-bibien u kienu bosta dawk li spiċċaw bla xogħol. Dawk li jaħdmu fid-dinja tad-divertiment intlaqtu sew ukoll. Għaldaqstant, ħafna nies li kellhom ċertu sigurtà f’daqqa waħda ħassew instabbiltà finanzjarja sakemm fl-aħħar ma kellhomx biex iħallsu s-self li kienu ħadu mill-banek.

Grazzi għall-għaqal tal-gvern Laburista dan f’Malta ma esperjenzajnihx. Tassew il-mini budgets li introduca il-Gvern ġew issalvagwardjati eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Dan stajna nagħmluh minħabba li l-Gvern kellu minn fejn iqassam il-ġid fejn kien hemm bżonnu u ħaseb biex il-ħajja f’Malta tkompli bl-anqas skossi possibbli. Ma rridux ninsew ix-xogħol li għamlu il-persuni kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Għalkemm x-xokk inizjali tal-pandemija bil-mod qed jiġi assorbit, għad hemm sens qawwi ta’ biżgħa.

Din ħolqot stress fostna mingħajr preċedent. Naqra, naqra, rajna kemm il-Maltin huma tassew reżiljanti u jafu jaddattaw anke għal sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja. Hawnhekk għandi nfakkar kemm għandna tasssew inkunu kburin li aħna Maltin. Irridu naddattaw ukoll għal realta’ ġdida fejn jidħlu l-iskejjel tagħna. Sakemm jinstab vaċċin irridu naraw li t-tfal tagħna ma jitilfux mill-aspett soċjoloġiku u psikoloġiku li toffri l-iskola. It-tfal ma jmorrux l-iskola biss biex jitgħallmu suġġetti akkademiċi iżda jmorru biex jitgħallmu ħiliet oħra. Fil-verità l-iskejjel huma mikrokożmu tas-soċjetà jew aħjar riflessjoni tas-socjeta fejn it-tfal jibdew jitgħallmu r-regoli tal-ħajja ftit ftit bi preparazzjoni sakemm isiru adulti. Meta għalqu l-iskejjel fil-bidu li laqtitna din il-pandemija, dan kollu kien intilef. Issa ftit ftit irridu nroddu lura din l-esperjenza lil uliedna għalkemm din tirrikkjedi sagrifiċċji u attenzjoni sabiex il-pandemija ma tkomplix tinfirex.

Il-Maltin huma poplu bieżel u waħda mill-affarijiet li kienu l-aktar diffiċli fil-bidu kienu n-nuqqas ta’ attività soċjali. Li tieqaf tmur il-każin jew li toqgħod id-dar u taħdem bit-telework flok li tmur l-uffiċċju poġġewna fi stat fejn għandna problema u minflok niġġildulha ridna b’xi mod nistkennu minnha. Għal Maltin li għandhom natural attiv u bieżel, din kienet l-aktar ħaġa diffiċli psikoloġikament. Pero il-kuntatt u l-laqgħat jistgħu jsiru permezz ta’ platforms teknoloġiċi li għandna nużaw kemm jista’ jkun biex ix-xogħol u sens ta’ parteċipazzjoni tagħna b’mod attiv fis-soċjetà jibqa’ għaddej. Għaldaqstant nisħaq magħkom biex inżommu kuntatt ma’ xulxin b’mezzi teknoloġiċi u fejn dan mhuwiex possibbli nieħdu l-prekawzzjonijiet kollha neċessarji. Fi żmien fejn ikollna noqogħdu d-dar, tajjeb li wieħed isib interessi jew passatempi sabiex ma tirkbux l-ansjetà. Meta noħorġu bħala divertiment irridu nkunu konxji l-Covid għadu madwarna u li hu importanti li s-sistemi ta’ saħħa li għandna f’pajjiżna jibqgħu jaħdmu b’mod effettiv. Sakemm jinstab il-vaċċin irridu nibqgħu attenti u vigilanti kemm nistgħu.

Lil uliedna rridu ngħallmuhom u ninsistulhom fuq l-iġene kemm jista’ jkun sakemm din tiġi parti mir-rutina ta’ kuljum. It-telework ukoll jista jkun xi ħaġa ta’ kuljum fejn wieħed jidra jaħdem mid-dar u jżomm bilanċ bejn ix-xogħol tad-dar u l-impjieg. Irridu nkunu konxji minn dak li jissejjaħ spillover bejn dawn iż-żewġ sferi ta’ ħajjitna. Ir-riflessjoni u li nsibu 5 minuti għalina ta’ kuljum sabiex niġbru ħsibijietna u nirriflettu fuq dak li nkunu għaddejjin minnu huwa essenzjali għal benesseri tagħna. Strateġija tajba oħra huwa li nippjanaw x’se jiġri minn ġurnata għall-oħra sabiex innaqqsu il-ħin li nagħmlu fit-traffiku u nsibu mezzi effiċjenti biex innaqqsu l-ħin fi preparamenti bħat-tisjir u xiri.

Share With: