“L-għajnuna mill-Istat bħan-nifs fi żmien ta’ kriżi” – Josianne Cutajar

“Ma teżistix soluzzjoni waħda komuni għal kull pajjiż biex iżomm l-ekonomija tiegħu stabbli waqt dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli. L-għajnuna mill-Istat fi żmien ta’ kriżi tagħti nifs lill-entitajiet strateġiċi , iżżommhom għaddejjin u ssalva x-xogħol.”

Hekk qalet il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar hekk kif laqgħet b’sodisfazzjon l-estensjoni u l-espansjoni tal-qafas temporanju t’Għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li l-qafas temporanju li kellu jagħlaq f’Diċembru li ġej issa ġie estiż sal-aħħar ta’ Ġunju 2021, bit-taqsima li tippermetti l-appoġġ għar-rikapitalizzazzjoni estiża sal-aħħar ta’ Settembru 2021.

Fid-dawl ta’ laqgħa u kommunikazzjoni li kellha mal-amministrazzjoni tal-Air Malta, Dr Cutajar fissret kif tappoġġja bis-sħiħ il-pakkett ta’ għajnuna li l-gvern Malti qed ifittex li jagħti lil-linja nazzjonali tal-ajru, liema pakkett irid jistenna l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. 

Hija fissret kif il-pandemija u r-restrizzjonijiet imposti biex tiġi kkontrollata l-imxija kellhom impatt devastanti fuq l-attività tal-industrija tal-ivjaġġar, inkluż l-avjazzjoni. “Minbarra l-miżuri ekonomiċi li ddaħħlu fuq livell Ewropew u anke nazzjonali, it-telf li sar bl-għeluq temporanju u restrizzjonijiet fuq l-ajruporti, u n-nuqqas ta’ fiduċja tal-pubbliku fl-ivjaġġar, huma aspetti li se jieħdu ż-żmien biex jiġu indirizzati. L-għajnuna tal-gvern għaldaqstant hija essenzjali.”

L-għajnuna diretta mill-Istat tista’ tħalli l-frott hekk kif diffikultajiet oħra li qiegħda taffaċċja l-Air Malta, bħan-nuqqas ta’ koordinament Ewropew fl-impożizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-avjazzjoni, se jibdew jiġu indirizzati. 

L-MEP Josianne Cutajar flimkien maċ-Chairman tal-AirMalta Charles Mangion

Fil-fatt il-pressjoni tal-Parlament Ewropew, b’mod speċjali t-Task Force tat-Turiżmu, wasslet għal qbil fil-Kunsill bejn il-pajjiżi membri, fuq koordinament Ewropew fil-kriterji dwar it-testing, fil-klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiżi li se jibda jsir miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-adozzjoni ta’ formola komuni li tgħin għall-contact tracing tal-passiġġieri. Pass sinjifikanti li fi kliem Cutajar mistenni jagħti iżjed ċertezza lill-passiġġieri, isaħħaħ il-fiduċja tagħhom fl-ivjaġġar u jieħu ħsieb is-saħħa pubblika, li hija l-aktar ħaġa importanti. 

Sa minn kmieni fl-imxija tal-virus Covid-19, Josianne Cutajar enfasizzat il-pożizzjoni vantaġġjuża tal-gvernijiet nazzjonali biex ipoġġu r-riżorsi neċessarji fuq il-bżonnijiet l-aktar strateġiċi għall-pajjiż. Fil-fatt jiem biss wara li faqqa’ l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta, hija formalment talbet lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi r-regoli dwar għajnuna mill-Istat biex tippermetti lill-gvernijiet isostnu setturi kruċjali għall-ekonomiji nazzjonali. 

Wara li skatta l-qafas temporanju li ta ċertu flessibilità lill-pajjiżi membri biex isostnu setturi u entitajiet f’riskju, flimkien mal-bqija tal-inter-group fil-Parlament Ewropew li jħares l-interessi tal-gżejjer u ż-żoni kostali (SEARICA), Cutajar insistiet mal-Kummissjoni Ewropea biex dik il-flessibilità tiġi assigurata anke wara li tintemm il-pandemija, tal-inqas fil-konfront tal-gżejjer. Josianne Cutajar fissret kif l-impatt ekonomiku tal-pandemija se jkun ikbar fuq il-gżejjer għax dawn jiddependu aktar minn setturi li ntlaqtu direttament mir-restrizzjonijiet, bħat-turiżmu. 

“Mhux il-kumpaniji kollha jeħtieġu flejjes kbar biex iqumu fuq saqajhom u jkomplu għaddejjin,” qalet Josianne Cutajar. L-ekonomija ta’ Malta u Għawdex, tistrieħ fuq intrapriżi żgħar li ma jagħmlux miljuni imma jagħtuna servizzi importanti u jħaddmu lin-nies. Għalhekk il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, fl-istituzzjonijiet Ewropej qed tappoġġja l-pożizzjoni Maltija favur bdil fir-regolament de minimis. Permezz ta’ dan ir-regolament s’issa gvern jista’ jgħin intrapriża lokali b’għotjiet ta’ mhux aktar minn €200 elf fuq perjodu ta’ tliet snin mingħajr ma jiskattaw proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat. Malta, bl-appoġġ ta’ Cutajar, qed tinsisti li dan l-ammont jissaħħaħ u jiżdied. 

“Konvinta li dawn il-bidliet jistgħu jkunu sors qawwi ta’ fiduċja għan-negozji ż-żgħar u l-ħaddiema. Se nibqa’ nagħmel il-parti tiegħi biex nevitaw it-tbatija fost il-familji u ngħinu lil pajjiżna f’din is-sitwazzjoni diffiċli,” qalet Josianne Cutajar. 

Share With: