L-għan tal-gvern jibqa’ li l-ħaddiema u min iħaddem ikollhom dħul garantit – il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għan tal-gvern jibqa’ li l-ħaddiema u min iħaddem ikollhom id-dħul tagħhom garantit.

Dr Abela qal dan f’laqgħa ta’ konsultazzjoni li kellu mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, fil-Berġa ta’ Kastilja bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat b’rabta mal-Budget għas-sena d-dieħla.

Il-Prim Ministru qal li waqt li hemm diversi sfidi kaġun tal-pandemija, il-gvern sab komunità ta’ min iħaddem li hija reżiljenti u li mhix lesta li taqta’ qalbha.

Tkellem dwar l-importanza tal-miżuri li ħa l-gvern fl-aħħar xhur biex żamm il-qasam tax-xogħol b’saħħtu u qal li jinsab fiduċjuż li jekk nibqgħu naħdmu bil-galbu, b’sens ta’ dixxiplina u responsabbiltà billi nosservaw il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa, jinsab konvint li fi ftit xhur oħra, il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem u nkomplu fejn ħallejna ftit tax-xhur ilu.

Matul il-laqgħa, il-Viċi President tal-MEA Arthur Muscat ippreżenta bosta proposti għall-Budget 2021 li saru b’konsultazzjoni ma’ 900 kumpanija li bejniethom iħaddmu madwar 60,000 ħaddiem.

Huwa wera l-apprezzament tiegħu għall-opportunità li ngħatat l-assoċjazzjoni biex tkun ikkonsultata b’rabta mal-Budget 2021 b’mod partikolari fiż-żmien iebes tal-pandemija. Huwa fisser il-proposti bħala siewja u li jagħmlu sens għall-gvern li jaddottahom.

Share With: