“L-interconnector mhux dejjem irħis” – Il-Ministru Michael Farrugia

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia warrab appelli biex Malta jkollha t-tieni interconnector billi sostna li kuntrarjament għal dak li qed taħseb l-Oppożizzjoni mhux dejjem ikun jaqbillek tixtri l-enerġija permezz tiegħu.

Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament fis-seduta li matulha ġew diskussi l-estimi tal-ministeru mmexxi minnu bħala parti mis-seduti li qed isiru b’rabta mal-Budget 2021.

Farrugia qal li hija idea żbaljata li l-enerġija mill-interconnector hija irħas minn dik ġenerta mill-pannelli u mill-power stations għax għalkemm f’parti mill-ġurnata tkun fil-parti l-kbira hija ogħla.

Huwa spjega li minbarra li trid titfa’ offerta għalih trid tara jekk il-pajjiż li tixtru mingħandu jkollu enerġija żejda u żied li jekk ikun hemm il-maltemp ma jkunx hemm ġenerazzjoni u jkun ħafna iktar ogħla mill-power station.

Farrugia fakkar kif l-Oppożizzjoni riedet li t-tariffi jkunu orħos bil-lejl u meta kienet fil-Gvern ivvutat kontra li jorħsu kuntrarjament għal-lum fejn il-kontijiet huma r-raba’ l-irħas fl-UE u t-tieni l-irħas fiz-Zona Ewro.

Huwa elenka l-ħidma li qed issir biex waqt li fis-sistema tal-elettriku jkollna ġenerazzjoni u distribuzzjoni aħjar fil-qasam tal-ilma wkoll tiżdied il-produzzjoni u titjieb il-kwalità tal-ilma.

Dwar l-enerġija rinovabbli Farrugia semma li l-Gvern qed isegwi proġett innovattiv li qed isir fi gżira għalkemm ma tax iktar dettalji dwaru.

Share With: