L-iskejjel

Minn Benny Borg Bonello

Il-ftuħ tal-iskejjel hu mument importanti.  Hu importanti għat-tfal iżda hu importanti wkoll għaliex ifisser li għażilna triq minn tlieta u bdejna nimxu fiha.  Kellna tliet toroq quddiemna.  L-ewwel kienet li nibqgħu mexjin kif konna u li kieku għażilna din it-triq konna nħallu l-iskejjel magħluqa.  It-tieni triq kienet tkun l-estrem l-ieħor li nerġgħu niftħu l-iskejjel taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ qabel, qiesu ma ġara xejn.  It-tielet triq li ntgħażlet hi li nerġgħu niftħu l-iskejjel imma b’mod ġdid. 

L-istrateġija tat-triq li għażilna hi dik li nimxu skont ir-riskju (risk assessment).  Din l-istrateġija taċċetta li l-ebda triq quddiemek ma hi mingħajr riskju.  Din hi xi ħaġa li naċċettawha u nħaddmuha l-ħin kollu iżda rari nitkellmu fuqha u nammettu li qed nagħmlu hekk.  Din per eżempju narawha ċara fis-safar.  Dawk in-nies li jaċċettaw riskju għoli, ġeneralment meta jsifru jridu avventuri.  Aktar ma l-avventura jkollha riskju aktar teċitahom u aktar ikunu diterminati li jmorru għal din l-avventura.  Min-naħa l-oħra ssib nies li meta jsifru ma jkunux iridu riskju u għalhekk ġeneralment meta jsifru jippreferu jmorru ma’ xi grupp fejn ikollhom lil xi ħadd imexxihom hu.

Kull riskju ma tistax tikkalkulah waħdu.  Trid tara u tqabbel dak li tiggwadanja u titlef sew jekk taċċetta u sew jekk ma taċċettax ir-riskju u trid tikkunsidra wkoll kemm hu għoli r-riskju.  Bħal ma ktibt din hi xi ħaġa li trid tagħmilha kuljum. 

Jekk nieħdu ġurnata xita, jekk toħroġ għandek ir-riskju li tixxarrab u jaqbdek riħ.  B’daqshekk ma jfissirx li n-nies ma joħorġux.  Għal dawk li għadhom żgħar, hi avventura għalihom jekk jixxarrbu u jċafċfu fl-ilma tax-xita.  Ir-riskju li jaqbadhom riħ min-naħa l-oħra hu baxx.  Għalhekk għal ħafna tfal hu gost meta tkun ix-xita.  Dawk aktar kbar ix-xita mhix avventura iżda xorta joħorġu għax xorta jkunu jridu jmorru għax-xogħol.  Dawn li jagħmlu hu li jieħdu magħhom rejnkowt u umbrella u hekk inaqqsu ħafna r-riskju li jixxarrbu.  Huma l-anzjani li meta tkun ix-xita ma tantx joħorġu. 

Hu analiżi simili li sar meta kien qed jiġi deċiż jekk jiftħux l-iskejjel.  Raw ukoll il-ħsara li ssir jekk ma jiftħux l-iskejjel – xi ħaġa li diffiċli li tikkwantifika, iżda li nafu li hemm qegħda u li għolja. 

Hemm min jgħidlek li mhux xorta t-tfal kienu qed jitgħallmu meta kienu qed jieħdu l-lezzjonijiet online.  Personalment għandi d-dubji tiegħi.  Din taraha jekk int ikollok tattendi xi kumitat online li ġeneralment idumlek bejn sagħtejn u tliet siegħat.  Peress li tkun qed tattendi fl-ambjent ta’ darek, il-konċentrazzjoni tonqos ħafna.  Id-dar, daqqa tqum għal xi ħaġa, daqqa għal oħra.  Meta tattendi kumitat, dawn l-affarijiet ma tagħmilhomx.  Dan barra l-fatt li hu diffiċli ħafna biex tagħmel siegħa kkonċentrat quddiem il-kompjuter u tipprova tinvolvi ruħek f’dak li jkun għaddej.  L-attendenza tnaqqaslek ħafna mit-tensjoni għaliex in-nies ikunu ħdejn xulxin u hemm anki b’ħarsa jew bi tbissima tkun qed tikkomunika ma’ xi ħadd partikolari.  Meta tkun online tista’ titbissem imma dik it-tbissima ma tolqot lil ħadd partikolari għax tkun għal kulħadd u l-effett tagħha jispiċċa. 

Dawn id-diffikultajiet isibuhom il-kbar meta jikkomunikaw online, aħseb u ara t-tfal.  Tifel jew tifla taf li fil-kamra għandhom il-ġugarelli u kull wieħed u waħda minnhom żgur jippreferu jilagħbu milli jagħmlu lezzjoni.  Illum din saret aktar faċli għaliex ħafna mil-logħob hu diġitali.  Illum tifel faċli joqgħodlok quddiem l-iskrin tal-kompjuter u taħt il-mejda jkun qed jilgħab logħba fuq it-tablet mingħajr ma jidher għaliex ipoġġiha taħt fejn ma tidhirx mill-kamera. 

Min-naħa l-oħra, anki l-għalliema jsibuha diffiċli.  L-ewwel diffikulta’ li għandek hu li tkun qed titkellem u tipprova tispjega kull ma jkollok quddiemek hu l-iskrin u mhux lit-tfal.  Din jgħaddu minnha dawk li jxandru fuq ir-radju fejn ikunu ġo kamra waħedhom u jridu jitkellmu b’mod li qieshom għandhom udjenza quddiemhom.  Tinderha biż-żmien, għalkemm hemm min xorta qatt ma jkun jista’ jidraha.  Dan barra li fil-klassi, l-għalliema kull ma jkun jridu jagħmlu hu li jagħtu daqqa t’għajn lill-klassi u jittendu kemm it-tfal ikunu qed jifhmu jew le.  Fuq l-iskrin hu diffiċli li għalliem jagħraf in-‘non-verbal’ tat-tfal kollha f’daqqa waħda.

B’daqshekk ma jfissirx li l-online m’għandniex bżonnu.  Jien nemmen li dan nistgħu nużawh biex jgħin it-tagħlim fl-iskejjel.  Hu importanti li nkomplu nesperimentaw biex insibu użu speċjali.  Żgur li dan irridu nintroduċuh lil dawk it-tfal li jkunu morda speċjalment meta l-marda tkun fit-tul.  Il-fatt li dawn it-tfal jaraw lil sħabhom u jaraw l-għalliem tagħhom diġa’ jgħinhom psikoloġikament u jnaqqsilhom it-tbatija li jkunu għaddejjin minnha. 

Hemm nies li jistaqsu għaliex meta n-numri tal-mard bil-COVID-19 kien baxx konna għalaqna l-iskejjel u issa b’numri akbar ser niftħuhom?  Ir-raġuni mhix diffiċli li ssibha.  Fost oħrajn l-iskejjel kienu magħluqa għaliex dan il-virus kien ġdid u ftit li xejn konna nafu dwaru.  Li konna nafu hu li jittieħed malajr u b’hekk jintiret malajr u li jista’ jkollu konsegwenzi serji ħafna.  Illum nafu ħafna aktar u fost l-affarijiet li nafu hi li jekk nipproteġu ruħna b’maskra jew billi nżommu ftit ‘il bogħod minn xulxin, u nieħdu ċerti prekawzjonijiet nistgħu nikkontrollawha .

Għalhekk dak iż-żmien is-sitwazzjoni kienet ta’ kriżi.  Illum hi differenti għaliex nafu li jekk nieħdu dawn il-prekawzjonijiet ir-riskju jonqos ħafna.  Hu b’hekk li l-bilanċ ta’ dak li nirbħu u nitilfu b’iżolament inbidel.  Qabel konna nistgħu nitilfu ħafna aktar milli nirbħu jekk noħorġu.  Illum differenti għaliex bi prekawzjonijiet nistgħu nnaqqsu r-riskju. 

Biss dawn il-prekawzjonijiet iridu jinżammu u jridu jsiru parti minn ħajjietna.   Hu għalhekk ir-responsabbilta’ meta persuna ma tieħux dawn il-prekawzjonijiet.  Dan jgħodd speċjalment għal persuni pubbliċi.  Meta ma jeħdux il-prekawzjonijiet kollha barra li jkunu qed joħolqu periklu lil ta’ madwarhom, ikunu qed jagħtu eżempju ħażin għax ikunu qed jagħtu messaġġ li dawn il-prekawzjonijiet mhux importanti. 

Meta persuna bħal din ikollha lil xi ħadd tal-familja li tkun infettata u jibqa’ jaġixxi qiesu ma ġara xejn ifisser li din il-persuna hi irresponsabbli.  Ma ninsewx li ftit ilu, Kummissarju Ewropew Irlandiż kellu jirreżenja meta ma hax il-prekawzjonijiet kollha meta żar pajjiżu.  Biss dawn l-affarijiet għal ċerti persuni f’Malta, ma jgħoddux.  Jgħoddu biss biex nippritkawhom u nużawhom biex immaqdru lil ħaddieħor.  Għalihom dawn il-prinċipji ma jgħoddux.  Din hi irresponsabbilta’ kbira u turi li nies bħal dawn mhux tajbin biex imexxu. 

Immaġinaw li kieku għalliem jaġixxi hekk.  Ara x’paniku jaqla’!  Imma politikant għax hu fuq in-naħa tal-lemin, qiesu ma ġara xejn. 

Share With: