L-ispezzjonijiet qabżu s-60,000 … aktar minn 100 persuna mmultati minħabba li naqsu milli jilbsu l-maskri jew visor

Il-pazjenti li għandhom bżonn assistenza

Ħames pazjenti fl-ITU, tmien persuni fl-IDU, disa’ persuni fi swali oħra f’Mater Dei, seba’ fl-Isptar Boffa, 10 f’St Thomas Hospital, tnejn f’Mount Carmel u persuna oħra fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Djar tal-anzjani

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li ngħatat importanza qawwija fejn jidħlu każi fir-residenzi tal-anzjani bl-akbar numru ta’ każi f’Dar San Ġużepp.

Minn 127 resident u 32 staff affettwati diġà bdew jonqsu bil-fejqan ta’ uħud minnhom. Gauci nnutat li b’ħidma kontinwa, bir-residenti pożittivi jiġu iżolati, jintużaw il-miżuri ta’ mitigazzjoni u ttestjar kontinwu s-sitwazzjoni fost l-anzjani tjiebet u naqsu l-każi ġodda.

Clusters

Qed ikollna numru ta’ każi sporadiċi u oħrajn li qed ikunu relatati ma’ każi oħra. Din il-ġimgħa kien hemm 21 persuna relatati fi clusters b’rabta ma’ każi ta’ familja. Kien hemm każi oħrajn relatati ma’ tlaqqigħ soċjali u xi oħrajn fuq il-postijiet tax-xogħol anke jekk dawn qed ikunu minimi.

Kellna 14-il każ ukoll li kienu impurtati minn barra minn Malta. Sitta ġew identifikati minn dawk il-pajjiżi li jeħtieġu l-ittestjar biex ikunu jistgħu jidħlu f’pajjiżna u l-oħrajn li ġew ittestjati wara l-wasla tagħhom.

Il-każi f’Għawdex

F’Għawdex hemm 23 każ attiv tal-Covid-19.

Ir-rata ta’ mortalità żdiedet … Persuna oħra tilfet ħajjitha fl-ITU

Ir-rata ta’ mortalità fl-ewwel fażi kienet baxxa, tant li fl-ewwel xhur kellna biss disa’ każi, iżda issa fl-aħħar ġimgħat dawn żidedu u dan jirriżulta minn każi affetwati fi djar tal-anzjani anke jekk oħrajn kienu jgħixu fil-komunità. L-aktar affetwati kienu dawk bejn il-85 sena u l-94 sena.

Importanti nieħdu ħsieb saħħitna

Il-Professur Gauci appellat biex kull min jintbagħat għal xi appuntament dan għandu jinżamm biex nieħdu ħsieb saħħitna, kemm b’sintomi relatati mal-Covid-19 kif ukoll oħrajn biex inkunu nistgħu nżommu b’saħħitna.

L-ittestjar

Il-Professur żiedet għid li l-ittestjar baqa’ xi ħaġa importanti ħafna fit-trażżin ta’ dan il-virus. Dawk kollha li għandhom is-sintomi, kienu f’kuntatt ma’ persuni oħra li rriżultaw pożittivi u anke dawk li għal xi raġuni li qed iħossuhom f’riskju huma mħeġġin iċemplu l-111 sabiex jibbukkjaw għall-iswab test.

Ittesjtar fl-ajruport

Fl-ajruport qed isiru aktar testijiet u fl-aħħar testijiet saru kważi 200 test li minnhom kien hemm sitt persuni minn Franza u minn Spanja li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Minn meta bdew dawn it-testijiet kien hemm 806 persuni ttestjati u minnhom kien hemm total ta’ 18-il persuna li rriżultaw pożittivi.

Covid-19 Alert Malta

F’ġimagħtejn kien hemm aktar minn 67,000 li niżżlu din l-app li qed tgħin fil-kontroll tas-sitwazzjoni ta-pandemija.

Kien hemm 18-il persuna li ngħataw code biex jiddaħħal biex ikunu jistgħu jgħinu fil-contact tracing. Numru ta’ persuni oħra kkuntattjaw l-helpline għax irċevew notifika li setgħu kienu f’kuntatt ma’ uħud minn dawn il-persuni.

Minħabba kummenti ta’ dawk li qalu li l-Bluetooth kien qed iwaqqagħlhom il-batterija tal-mowbajl, Gauci qalet li dan jista’ jintefa’ meta persuna tkun fuq ġewwa, iżda dan għandu jerġa’ jinxtegħel meta persuna terġa’ toħroġ fil-komunità

Multi 

Għall-mistoqsija tal-ġurnalist minn L-ORRIZONT u Inewsmalta rigward l-ispezzjonijiet u l-multi, Gauci qalet li sa mill-bidu nett saru 60,654 spezzjoni u kien hemm 191 ċitazzjoni għal dawk li kienu f’kuntatt ma’ dawk pożittivi u 40 ċitazzjoni għal dawk konfermati każi attivi jew il-familji tagħhom.

1,399 spezzjoni fejn jidħlu maskri u kien hemm 129 persuna li ġew immultati. Ma’ dawn hemm spezzjonijiet oħra li mhux imniżżlin f’din l-istatistika.

Share With: