L-Italja b’aktar minn 3,000 każ ġdid ta’ Covid-19 għall-ewwel darba minn April

L-Italja rreġistrat 3,678 każ ġdid ta’ Covid-19 matul dawn l-aħħar 24 siegħa. Qal dan il-Ministru Taljan għas-Saħħa, b’dan ikun l-ewwel darba minn April li għadda li kienu reġistrati aktar minn 3,000 każ.

Kien hemm ukoll 31 imwiet ikkaġunati mill-virus, f’konfront mat-28 imwiet reġistrati lbieraħ, li xorta waħda jibqgħu ferm inqas mill-imwiet reġistrati fl-eqqel tal-pandemija fl-Italja f’Marzu u April.

L-Italja kien l-ewwel pajjiż Ewropew li ntlaqat mill-Covid-19, u għandu t-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet wara l-Ingilterra. Dan hekk kif mill-bidu tal-pandemija ’l hawn mietu 36,061 persuna.

Biex jikkontrolla l-pandemija l-Gvern Taljan kellu jsejjaħ lockdown strett sas-sajf, madankollu matul dawn l-aħħar xahrejn kienet reġistrata żieda mill-ġdid fin-numru ta’ każijiet ġodda. Fuq nota pożittiva l-Italja qed tirrapporta rata inqas ta’ każijiet ġodda minn pajjiżi Ewropej oħrajn bħal Franza, Spanja u l-Ingilterra.

L-aħħar darba li l-Italja rreġistrat aktar minn 3,000 każ kien fl-24 ta’ April, meta kienu reġistrati 3,022 każ. Dakinhar kienu mietu 420 persuna.

Share With: