L-MCST iniedi skema ta’ premjijiet għall-partiteċipazzjoni fil-Programm ‘Horizon 2020’

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) bi pjaċir iħabbar l-iskema ‘Horizon 2020 Awards’. L-iskema se tippremja lill-benefiċjarji Maltin talli pparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fi ħdan il-Programm ‘Horizon 2020’.

L-għan ta’ dawn il-premjijiet huwa li jirrikonoxxu u jżidu l-għarfien dwar proġetti t’eċċellenza li b’permezz tar-riżultati tagħhom tibbenifika l-komunità tar-riċerka xjentifika, dawk li jfasslu l-istrateġija fir-riċerka, u s-soċjetà. Barra minn hekk, il-premjijiet se juru l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni mill-entitajiet Maltin fil-Programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, ‘Horizon Europe’, li se jitnieda fl-2021.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija, Dott Jeffrey Pullicino Orlando, stqarr li “Il-Kunsill jirrikonoxxi l-benefiċċji miksuba minn proġetti ffinanzjati mill-Programm ‘Horizon 2020’ u l-impatt pożittiv tagħhom fuq il-ħajja personali u l-benessere soċjali. Nixtiequ nistiednu lill-benefiċjarji interessati kollha tal-passat u dawk attivi biex jipparteċipaw fl-iskema tal-‘Horizon 2020 Awards’ li se tippermettilna niċċelebraw il-kisbiet notevoli tagħhom permezz tal-Programm ‘Horizon 2020’. Il-Kunsill se jibqa’ juri impenn fil-promozzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni sabiex ikompli jitkattar is-suċċess f’dan is-settur.”

L-iskema se tirrikonoxxi l-kisbiet f’disa’ kategoriji differenti: tmienja għal entitajiet legali u waħda għar-riċerkaturi individwali. Il-kategoriji tal-għoti huma l-Aħjar Impatt għas-Saħħa; Premju għall-Mobilità Intelliġenti; il-Premju Marittimu; il-Premju Ekoloġiku; il-Premju dwar il-Klima; Premju għall-Ġeneru, il-Kultura, l-Ugwaljanza jew ix-Xjenza taċ-Ċittadini; l-Aqwa Premju Innovattiv għall-Entrapriżi Żgħar; l-Aħjar Promozzjoni tal-Premju STEM; l-Aqwa Premju għall-Innovazzjoni Teknoloġika u l-Premju għall-Aktar Riċerkatur Attiv.

Il-‘Horizon 2020 Awards’ se jipprovdu r-rebbieħa b’viżibbiltà tal-kisbiet tagħhom. Il-valur tal-premju għal kull kategorija huwa ta’ €5,000.

Entitajiet legali rreġistrati f’Malta li huma benefiċjarji u li għandhom kuntratt mal-Kummissjoni ffirmat b’allokazzjoni ta’ baġit għall-proġett/i tagħhom f’ ‘Horizon 2020’, huma eliġibbli biex japplikaw u jipparteċipaw fl-iskema. Għall-premju l-‘Aktar Riċerkatur Attiv’, ir-riċerkaturi kellhom ikunu impjegati jew fil-preżent huma impjegati ma’ Entità Maltija li għandha kuntratt mal-Kummissjoni ffirmat b’allokazzjoni baġitarja għall-proġett/i ta’ ‘Horizon 2020’.

L-iskema hija miftuħa minn 26/10/2020 u l-partijiet interessati huma ġentilment mitluba li jimlew u jibgħatu l-applikazzjoni, aċċessibli mis-sit http://mcst.gov.mt/mcst-news/horizon-2020-award-scheme. L-applikanti jistgħu jissottomettu l-formola tal-applikazzjoni mimlija u ffirmata lill-MCST sal-16/11/2020 f’nofsinhar, 12.00 CET.

Il-formola tal-applikazzjoni, ir-riżultati tal-evalwazzjoni u/jew kopja tad-dettalji tal-kuntratt mal-Kummissjoni għandhom jintbagħtu f’format diġitali lill-email: horizonawards@gov.mt.

Ir-rebbieħa tal-premjijiet se jitħabbru qabel tmiem is-sena.

Share With: