L-MCST qed iniedi sejħa ġdida għall-proposti li jwasslu għal baħar Mediterran liberu mill-plastik, magħrufa bħala PlAstic fRee heAlthy MeDIterranean SEa – PARADISE Call

L-MCST qed iniedi sejħa ġdida għall-proposti li jwasslu għall-baħar Mediterran liberu mill-plastik, magħrufa bħala PlAstic fRee heAlthy MeDIterranean SEa – PARADISE Call

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) nieda skema ġdida għall-proposti biex jiġu ġġenerati ideat ġodda sabiex jistabilixxu azzjonijiet li jwasslu biex entrapriżi ġodda jesploraw u jimplimentaw soluzzjonijiet kontra l-isfidi relatati mal-plastik fl-ambjent ta’ madwarna.

L-MCST jifhem li l-konsum u l-użu tal-plastik fiż-żminijiet tal-lum jeħtieġu tibdil fundamentali, fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni tista’ tkun parti kruċjali f’dan l-irwol biex ikollna ekonomija ċirkulari.  F’dan ir-rigward, azzjonijiet ta’ riċerka kollaborattiva li tinkludi studji ta’ fiżibiltà u mudelli ekonomiċi huma bżonnjużi biex jiġu ġenerati ideat li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ soluzzjonijiet mhux fil-kuntest ta’ Malta biss imma wkoll tar-reġjun tal-Mediterran u ulterjuri li jikkonċernaw skart tal-plastik. 

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill għax-Xjenza u Teknoloġija, Dott Jeffrey Pullicino Orlando, stqarr li “l-għan ta’ din is-sejħa hija li  nsostnu ideat innovattivi u metodi li japplikaw għall-Mediterran u li jiffukaw fuq il-manifattura u l-użu tal-plastik. Inizzjattivi immirati sabiex jipprevjenu milli dan il-materjal ikun ta’ tniġġiż ta’ l-ambjent, bħala prodott ta’ skart, huma inkoraġġuti.  Il-proposti għandhom jindirizzaw dawn l-isfidi, b’relevanza għax-xenarju lokali u b’impatt tanġibbli fuq il-Baħar Mediterran, u jippromwovu kollaborazzjoni ma’ imsieħba mir-reġjun kollu.  B’permezz ta’ dan l-element kollaborattiv transnazzjonali, il-parteċipanti rebbieħa jistgħu jippreparaw lilhom nnfushom għall-proġetti li jistgħu jħallu impatt akbar, b’użu ta’ fondi Ewropej.”

Din is-sejħa hija mmirata li tippromovi riċerka fil-plastik f’kuntest ta’ ekonomiija ċirkulari.  Permezz ta’ dan, l-entrapriżi li japplikaw ikollhom l-opportunità li jeskalaw l-attivitajiet tagħhom biex jesploraw ideat ġodda, metodi u innovazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kambjament fiċ-ċikli tal-ħajja tal-plastik.  Dan jippermetti lill-parteċipanti jiġġeneraw l-ideat u jniedu l-preparamenti neċessarji li jistgħu jwasslu għall-proposti u proġetti akbar taħt il-programm għar-riċerka u innovazzjoni tal-UE Horizon Europe.

L-Onorevoli Clayton Bartolo, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u tal-Ekonomija Diġitali żied jgħid, “Ir-riċerka u l-innovazzjoni qed jipprovdu soluzzjonijiet għall-problemi tal-ambjent tal-lum li kemm id-dinja kif ukoll pajjiżna qed jaffaċjaw. Din l-iskema ġiet imnedija sabiex topponi t-theddida ewlenija fuq is-saħħa tal-ibħra tagħna u hija azzjoni fost oħrajn fil-ġlieda tagħna kontra l-iskart fil-baħar u wkoll biex insibu soluzzjonijiet innovattivi fil-livell lokali, dak nazzjonali u reġjonali sabiex nindirizzaw din il-kwistjoni kumplessa bl-involviment ta’ firxa ta’ setturi, dixxiplini u atturi differenti.”

Din is-sejħa kompetittiva hija possibbli permezz ta’ fondi nazzjonali amministrati mill-MCST u se tappoġġja entitajiet li joperaw f’Malta. Proposti ‘mono’ benefiċjarji huma aċċettati, madankollu, sħubijiet kollaborattivi huma mħeġġa ħafna biex ikunu jistgħu jindirizzaw is-sejħa aktar bir-reqqa.

Din is-sejħa ġdida hija parti minn diversi inizjattivi tal-MCST li għandhom l-għan li jappoġġjaw entitajiet Maltin biex jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni. L-għan huwa li jħejjihom b’mod effettiv għal parteċipazzjoni f’opportunitajiet futuri taħt Horizon Europe.

Aktar dettalji dwar is-sejħa jinsabu fuq il-websajt tal-Kunsill https://mcst.gov.mt/funding-opportunities  L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sas-6 ta’ November 2020, sas-18.00 u mibgħuta fuq paradise.mcst@gov.mt

Share With: