“L-MEPs tal-PN jivvutaw kontra rapport tal-Parlament Ewropew li jikkundanna l-korruzzjoni fil-Bulgarija” – MEPs tad-Delegazzjoni tal-PL

Roberta Metsola ressqet emendi li jtaffu mid-diskors iebes tar-riżoluzzjoni


Il-Bulgarija sabet id-difiża tal-ewroparlamentari nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa quddiem riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni f’dan il-pajjiż.

L-ewwel tentattiv ta’ difiża sar minn Roberta Metsola li, waħedha f’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, ressqet xejn inqas minn 33 emenda bil-għan li ttaffi mill-qawwa tad-diskors użat fir-riżoluzzjoni fil-konfront tal-Bulgarija.

Fil-fatt, b’dawn l-emendi, Metsola ppruvat tneħħi mir-riżoluzzjoni referenza għal mod kif fil-Bulgarija ddeterjorat is-saltna tad-dritt, id-demokrazija inkluż l-indipendenza tal-qrati, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-libertà tal-midja.

Dawn l-emendi ġew irrifjutati mill-Parlament Ewropew.

U hemmhekk sar it-tieni tentattiv ta’ difiża mill-ewroparlamentari nazzjonalisti. B’kuntrast għal diversi okkażjonijiet meta Roberta Metsola u David Casa imbuttaw u vvutaw favur riżoluzzjonijiet fil-konfront ta’ Malta, illum Metsola u Casa vvutaw kontra rapport fil-konfront tal-Bulgarija.

Il-Parlament Ewropew approva din ir-rizoluzzjoni.

F’dan ir-rapport, il-Bulgarija qed tiġi akkużata b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, użu ta’ kliem ta’ mibegħda fil-konfront ta’ minoranzi bħall-membri tal-komunità LGBTI u nisa, u tibdil tal-liġi elettorali ftit xhur biss qabel ma jmur għal elezzjoni ġenerali.

Il-gvern Bulgaru jinsab taħt pressjoni ffaċċjat b’akkużi fuq abbuż ta’ fondi Ewropej, b’rapporti jixħtu dawl fuq rabtiet bejn organizzazzjonijiet kriminali u l-awtoritajiet.

Fit-toroq tal-kapitali Sofia, id-dimostrazzjonijiet tal-poplu Bulgaru ntlaqgħu bi vjolenza mill-Pulizija. Ċittadini u ġurnalisti sabu ruħhom attakkati b’kanuni tal-ilma, gass tad-dmugħ u pepper spray.

Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew esprimiet is-sorpriża tagħha għad-difiża li urew kemm Roberta Metsola u kif ukoll David Casa fil-konfront ta’ gvern iffaċċjat b’tali akkużi.

Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista fakkret ukoll fl-attakki li l-Membri Parlamentari Ewropew Nazzjonalisti jiftħu fuq Malta stess f’riżoluzzjonijiet simili tal-Parlament Ewropew.

“Roberta Metsola u David Casa jemmnu biss fis-Saltna tad-Dritt meta jistgħu jużawha kontra Malta. Quddiem allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’pajjiżi oħra, li jkunu mmexxija minn gvern tal-PPE, Metsola u Casa jkunu fuq quddiem nett biex joħorġu għonqhom għalihom,” stqarret id-delegazzjoni tal-Partit Laburista.

Din m’hija xejn ħlief konferma li, bit-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista baqa’ l-istess Partit illi f’Malta jgħid mod u barra jaġixxi mod ieħor – azzjoni sintomatika ta’ min mhuwiex kburi b’pajjiżu.

Share With: