L-MFA taġġorna l-protokoll imsejjaħ Return to Play u temenda xi regolamenti tal-kompetizzjonijiet minħabba l-Covid-19

Wara l-esperjenza li ġiet miksuba sa mill-bidu tal-istaġun domestiku 2021/21, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football (MFA) aġġornat il-protokoll imsejjaħ Return to Play filwaqt li emendat xi regolamenti tal-kompetizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19.  

L-emendi, li ġew approvati mill-kumitat eżekuttiv tal-assoċjazzjoni, kienu neċessarji wara xi xenarji li tfaċċaw u l-isfidi li qed iġġib il-pandemija tal-COVID-19.  

Wara li kien hemm regolamenti riveduti, u li se jiġu fis-seħħ sa minn nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru, il-clubs tal-Kampjonat Premier Malti kif ukoll dawk taċ-Challenge League, huma obbligati li jinkludu tliet goalkeeper fil-lista tal-iskwadri rispettivi tagħhom. Sadanittant in-numru minimu ta’ players fl-iskwadra għal dawn iż –żewġ kampjonati jibqa’ dak ta’ 25. 

Min-naħa l-oħra, klabbs min-National Amateur League irid ikollhom minimu ta’ żewġ goalkeepers fl-iskwadri tagħhom u l-logħba ma tistax tiġi posposta jekk wieħed minnhom ikun disponibbli.  

Punti oħra importanti għal dan il-protokoll jinkludu dan li ġej: 

Jekk player jiġi misjub pożittiv għall-COVID-19, hu jkun jista’ jirritorna għal-logħob biss jekk ikollu konferma ta’ swab test negattiv. Il-player affetwat irid jirrepeti dan it-test fid-dipartiment mediku fi ħdan l-MFA qabel ma jerġa’ jibda jilgħab il-football.   

Dawk il-players li jkunu fuq il-bank tas-sostituti, għandhom jilbsu l-maskra l-ħin kollu waqt il-logħba, barra dawk li jkunu jridu jagħmlu l-warming up qabel ma jidħlu jilagħbu.  

Sabiex ikun hemm il-prevenzjoni kollha meħtieġa, il-protokoll rivedut jistipula wkoll li ma jkunx hemm xi forma ta’ sessjoni f’postijiet ġewwa filwaqt li lanqas huma permessi banjijiet tas-silġ (ice baths). Fl-istess waqt kemm il-faċilitajiet tax-showers kif ukoll tad-dressing rooms għandhom jinżammu magħluqa.   

Hekk kif ninsabu viċin il-ftuħ tal-kompetizzjonijiet tal-futsal, ġew finalizzati l-protokolli kollha meħtieġa u għalhekk ġew miżjuda ma’ dawk eżistenti.   

L-iskema tal-ittestjar għall-COVID-19 

Sabiex il-clubs jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa fuq kwistjonijiet relatati mal-COVID-19, l-MFA introduċiet l-iskema tal-ittestjar tagħha. Il-clubs huma ntitolati għal numru ta’ vouchers għal swab tests bla ħlas li jistgħu jintużaw mill-players jew membri tal-istaff li jħossu xi tip ta’ sintomi relatati mal-COVID-19. 

L-assessjar għall-contact tracing mit-team mediku tal-MFA ġie estiż ukoll għall-BOV National Amateur League u għall-Kampjonat BOV tan-nisa.  

Il-kumitat eżekuttiv wera l-apprezzament tiegħu għax-xogħol li qed jagħmel it-tim mediku fi ħdan l-assoċjazzjoni u għad-dipartimenti kollha involuti fl-assessjar tal-contact tracing għall-każijiet tal-Coronavirus kemm fuq livell ta’ club kif ukoll ta’ team nazzjonali.   

Il-konsultazzjoni dwar ir-ritorn parzjali tal-ispettaturi fil-grounds Maltin 

L-MFA ilha tistudja l-possibbilta’ li sezzjoni żgħira ta’ partitarji jirritornaw fil-grounds sabiex jaraw lit-tim favorit tagħhom. Dan kollu qed jiġi evalwat skont il-linji gwida maħruġa mill-UEFA għalkemm qed jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi preżenti relatati mal-pandemija tal-COVID-19.  

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-UEFA ħabbret li skont il-liġijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiżi rispettivi, l-ispettaturi jkunu jistgħu jirritornaw fil-grawnds għal-logħbiet internazzjonali bin-numru li m’għandux jaqbeż it-30% tal-kapaċita’ tal-istadium fejn tkun se tintlagħab il-partita.   

Għalhekk l-MFA ippreparat protokoll ieħor imsejjaħ Safe Return of Spectators li fih jiġi kkunsidrat ir-riskju involut kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ndafa. Dan id-dokument se jiġi diskuss mal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin u ma’ dawk kollha involuti fil-ġimgħat li ġejjin qabel ma jiġi deċiż li l-partitarji verament jistgħu jirritornaw fil-grawnd.   

Għalkemm hu impossibbli li toħloq ambjent ‘il bogħod mir-riskju li ġġib magħha din il-pandemija, dan il-protokoll se jaċċerta li jinżammu l-aqwa kundizzjonijiet ta’ iġjene filwaqt li tiġi minimizzata kull forma ta’ riskju ta’ infezzjoni.  

Dan il-protokoll imsemmi hu konformi mal-miżuri u r-rakkomandazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali.   

Share With: