Laqgħa bilaterali bejn delegazzjoni Maltija u delegazzjoni Libjana dwar il-marittimu u l-avjazzjoni

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg mexxa laqgħa bilaterali bejn delegazzjoni Maltija u delegazzjoni Libjana fejn ġew diskussi s-suġġetti tal-marittimu u l-avjazzjoni.

Waqt il-laqgħa ġew iffirmati żewġ MoUs. L-ewwel wieħed jittratta l-koperazzjoni fis-setturi tal-marittimu u l-avjazzjoni. Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jikkoperaw anke b’mod tekniku f’affarijiet bħall-amministrazzjoni tal-portijiet, is-sigurtà fl-avjazzjoni u fil-marittimu, l-investigazzjoni ta’ inċidenti fis-setturi, taħriġ u koperazzjoni f’fora internazzjonali. Il-ftehim iħares ukoll lejn il-possibilità ta’ reviżjoni ta’ ftehimiet bilaterali tal-avjazzjoni b’konformità mal-aktar rekwiżiti riċenti kif ukoll il-possibilità ta’ konnettività tal-passiġġieri bejn iż-żewġ pajjiżi, ir-reġistrazzjoni ta’ ajruplani Libjani fuq ir-reġistru Malti u l-koperazzjoni ta’ tagħrif bejn Malta u l-Libja dwar l-aqwa prattiċi.

It-tieni MoU jirrigwarda pjan ta’ azzjoni għall-prevenzjoni tat-tniġġis fl-ambjent marittimu. Permezz ta’ dan il-ftehim Malta u l-Libja se jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu pjattaforma fejn jistgħu jaqsmu tagħrif u informazzjoni dwar diversi aspetti relatati ma’ dan is-suġġett kif ukoll aktar kollaborazzjoni għal azzjoni aktar effettiva u effiċjenti f’każ ta’ xi inċident ta’ dan it-tip. L-MoU jinkludi wkoll il-possibilità ta’ proġetti konġunti, opportunitajiet ta’ taħriġ u kollaborazzjoni oħra.

Share With: