Lewis Hamilton jilħaq ir-rekord ta’ 91 rebħa ta’ Schumacher

Is-sewwieq Britanniku, Lewis Ha­milton (Mercedes),  iddomina u rebaħ il-Grand Prix tal-Ġermanja fiċ-ċirkwit ta’ Nurburgring, biex din kienet il-91 rebħa tal-karriera tiegħu biex b’hekk laħaq ir-rekord tal-leġġendarju, Michael Schumacher, li kien irreġistra fiċ-Ċina, fl-2006. Huwa rreġistra ħin ta’ 1:35:49.641.

Hamilton jinsab ferm qrib ukoll li jilħaq rekord ieħor ta’ Schumacher din id-darba fir-rebħ ta’ titli mondjali, jiġifieri, sebgħa.

L-istess Schumacher kien ħareġ rebbieħ ħames darbiet fuq dan iċ-ċirkwit fil-Ġermanja.

Fi tmiem it-tiġrija iben Michael Schumacher, Mich, irregala lil Hamilton helmet kommemorattiv ta’ missieru.

U jidher li dan il-Grand Prix se jibqa’ mfakkar għar-rekords, hekk kif dan fisser ukoll it-323 tiġrija għal Kimi Raik­konen li b’hekk sar l-aktar sewwieq li qatt ħa sehem fi Grand Prix fl-istorja tal-Formula  Wieħed, fejn qabeż lill-ex sewwieq Brażiljan tal-Ferrari, Rubens Barrichello.

Intant fit-tiġirja tal-bieraħ, l-Olandiż Max Verstappen (Red Bull) temm fit-tieni post fejn huwa kiseb punt addiz­zjonali minħabba li rreġistra l-aktar lap veloċi tat-tiġrija.

Fit-tielet post temm l-Awstraljan, Daniel Ricciardo (Renault) biex tela’ fuq il-podju għall-ewwel darba mill-2018, f’Monaco.

Huwa kien segwit mill-Messikan, Sergio Perez (Racing Point), l-Ispanjol Carlos Sainz Jr (McLaren) u l-Franċiż Pierre Gasly (Alpha Tauri).

Il-Finlandiż Valtteri Bottas, li beda mill-ewwel pożizzjoni,  kellu jirtira kmieni minħabba ħsarat fil-magna, wara li kien inqabeż minn Lewis Ha­milton fit-13-il lap.

Wara din it-tiġrija, Hamilton deher emozzjonat ħafna li daħal fl-istorja ta’ dan l-isport billi rnexxielu jilħaq ir-rekord ta’ Schumacher.

Huwa qal li jħossu onorat li laħaq dan it-tragward li ma wasalx b’kumbinazzjoni iżda b’ħafna sagrifiċċji.

Huwa rringrazzja lill-familjari tie­għu kif ukoll lit-team ta’ tekniċi li jaħdem magħhom.

Huwa qed jillidja l-klassifika ġene­rali  b’vantaġġ ta’ 69 punt. Din taqra: 230 – Lewis Hamilton; 161 – Valtteri Bottas; 147 – Max Verstappen; 78 – Daniel Ricciardo; 68 – Sergio Perez; 65 – Landro Norris; 64 – Alexander Albon; 63 – Charles Leclerc.

Share With: