“Ma nagħmlux fid-djar tagħna dak li ma nistgħux nagħmlu f’post pubbliku”

Mil-lum jidħlu fis-seħħ miżuri restrittivi ġodda biex tkun limitata iżjed l-imxija tal-Covid-19

Minn Maria Azzopardi

“Fejn jidħlu miżuri li daħħalna mil-lum kuntrarju għal dak li qalulna xi nies f’Mejju u f’Ġunju, jidher ċar li l-aqwa għodda li għandna biex inrażżnu l-imxija tal-Covid-19, sakemm eventwalment jiġi l-vaċċin, hija d-distanza soċjali, marbuta mal-iġjene personali u issa nafu l-ilbies tal-maskri. Dawn il-miżuri li qed indaħlu huma miżuri li jkomplu jiżguraw biex kemm jista’ jkun iċ-ċittadini jżommu d-distanza soċjali.”

Hekk qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’kummenti ma’ Inewsmalta meta ġie mistoqsi dwar il-miżuri restrittivi addizzjonali li qed jiġu introdotti u li japplikaw mil-lum. Huwa qal li fejn riċentament deher li kien qed ikun hemm problemi ta’ persuni, speċjalment żgħażagħ, li kienu qed jinġemgħu f’postijiet pubbliċi u ġo bars, ittieħdu l-miżuri biex kemm jista’ jkun jitnaqqas dak is-sors ta’ kontaminazzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru qal li mhix biss kwistjoni ta’ miżuri jew biss kwistjoni ta’ infurzar li qed isir, imma hija kwistjoni li kull wieħed u waħda minnha jkun responsabbli u jagħmel il-parti tiegħu.

“Ġej il-Milied, dak li aħna qegħdin ngħidu li ma tistax tagħmlu f’post pubbliku, fejn ma tistax tiltaqa’ ma’ aktar minn sitta min-nies, noqgħodu attenti li ma nagħmluhx fid-djar tagħna. Jiġifieri li aħna nistiednu għoxrin ruħ ġod-dar, ħażin jekk tagħmilha barra u ħażin jekk tagħmilha ġewwa. Il-mikrobu ma jagħrafx bejn barra u ġewwa. Jiġifieri ejja nkunu responsabbli biex nibqgħu nħarsu s-saħħa ta’ xulxin,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Mil-lum sal-ewwel ta’ Diċembru sal-ħin tas-6.00a.m. il-bars u l-każini kollha għandhom jibqgħu magħluqin. Dan filwaqt li l-isnack bars u l-gabbani jistgħu jibqgħu miftuħin, madanakollu ma jistgħux, fl-ebda ħin, jipprovdu, joffru jew ibigħu kwalunkwe tip ta’ xorb alkoħoliku lill-klijenti u għandhom jagħlqu bejn il-11.00 p.m. u l-5.00 a.m tal-għada filgħodu.

Fl-istess waqt, mil-lum, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi gruppi fi spazji pubbliċi se jonqos minn 10 persuni għal sitt persuni. Dan ifisser li fi spazji pubbliċi, gruppi ta’ aktar minn sitt persuni huma projbiti nkluż fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Il-multa għal min ma josservax din il-miżura se tiżdied għal €200, iżda jekk il-penali tiġi mħallsa qabel ma jibdew il-proċeduri quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-multa titnaqqas għal €100. 

Share With: