Malta bl-inqas rata ta’ għalliema b’aktar minn 50 sena

Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, proprju fil-Jum Dinji tal-Għalliema, fl-2018 f’Malta kien hawn 6,412 għalliema b’1,997 minnhom li kienu jaħdmu fl-edukazzjoni primarja, filwaqt li 4,415 għalliema fis-sekondarja. 

Il-maġġorparti ta’ dawn l-edukaturi kienu nisa. Fil-fatt fl-edukazzjoni primarja mill-1,997 edukatur kien hemm 283 edukaturi rġiel u 1,714 nisa.

Meta kkumparat mal-pajjiżi tal-UE, l-istatistika turi kif fl-2018 Malta kellha l-inqas rata ta’ għalliema li kellhom aktar minn 50 sena (madwar 14%). Mit-total ta’ edukaturi fil-livell primarju u sekondarja kien hemm 35 għalliema li kellhom 65 sena jew aktar. Fil-livell ta’ edukazzjoni primarja, kien hemm 110 edukatur li kellhom bejn 50 u 54 sena, filwaqt li kien hemm seba’ li kellhom 65 sena jew aktar.

39% għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-UE kellhom 50 sena jew aktar fl-2018. Fl-Italja, aktar minn nofs (54%) tal-għalliema kienu f’dan il-grupp ta’ età, kif ukoll fil-Litwanja (52%). Sadanittant, 1% tal-għalliema fl-UE kellhom iktar minn 65 sena fl-2018. L-ogħla sehem ta’ għalliema f’dan il-grupp ta’ età kienu rrappurtati fl-Estonja (8%), il-Latvja (5%), l-Iżvezja u d-Danimarka (it-tnejn 4%).

Fl-Istati Membri kollha tal-UE, l-għalliema tal-iskola fl-2018 kienu prinċipalment nisa. Madankollu, is-sehem ta’ għalliema nisa kien l-ogħla fil-Latvja (87%) u l-Litwanja (85%), segwit mill-Bulgarija, l-Estonja u s-Slovenja (83% kollha). B’kuntrast, is-sehem ta’ għalliema rġiel kien l-ogħla fid-Danimarka (38%) u l-Lussemburgu (36%), segwit mill-Greċja u Spanja (it-tnejn 34%) kif ukoll Franza (32%).

Share With: