Malta u l-Marokk f’ħidma konġunta favur Libja magħquda

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Marokk Nasser Bourita kellhom telefonata fejn iddiskutew kif jistgħu jsaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Huma ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Libja.

Il-Ministru Bourita feraħ lil Malta u rringrazzjaha għas-sehem li qed tagħti biex tressaq il-Libjani lejn xulxin biex ifejqu l-firdiet ta’ bejniethom, jibnu lil pajjiżhom u jtejbu l-ħajja tal-poplu Libjan.

Il-Ministri Bourita u Bartolo qablu li jaħdmu flimkien biex jikkordinaw l-inizjattivi fil-ħidma tagħhom fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u l-proċess ta’ Berlin biex ikun hemm soluzzjoni politika għal-Libja. Huma qablu wkoll li għandhom ikunu l-Libjani stess li jiddeċiedu l-futur tagħhom u mhux pajjiżi oħra li jħarsu l-interessi tagħhom u mhux tal-poplu Libjan.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-waqfien mill-ġlied għadu dgħajjef wisq u awgura li ma jkunx hemm min jiksru u jerġa’ jitfa’ lil-Libja fi gwerra u jikkawża aktar tbatija lill-poplu Libjan li ilu jsofri wisq, liema poplu issa qed jiffaċċja l-COVID-19 kif ukoll il-qerda ta’ nħawi sħaħ fil-pajjiż, nuqqas ta’ sevizzi tad-dawl u tal-ilma, skarsezza tal-bżonnijiet ta’ kuljum u nuqqas ta’ flus fl-idejn.

Din it-tbatija kollha meta l-Libja tista’ tkun l-iżjed pajjiż sinjur fil-Mediterran jekk titħalla ssib l-istabilità u l-paċi, tibni l-pajjiż mill-ġdid u ddaħħal ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda fost il-poplu tagħha.

Share With: