Man Utd jikkunsidraw li jaħtru lil Massimiliano Allegri bħala coach
Manchester United qed jikkunsidraw li jaħtru lil Massimiliano Allegri bħala l-coach tagħhom ladarba dak attwali Ole Gunnar Solskjaer jiġi mneħħi mill-kariga fil-futur.
Dan tal-aħħar jinsab taħt pressjoni f’Old Trafford wara bidu ta’ staġun xejn pożittiv tant li r-Red Devils tilfu tnejn mit-tliet konfronti tagħhom fil-Premier League Ingliż.
Wara t-telfa xi ftit kerha ta’ 6-1 li kellhom kontra Tottenham Hotspur, bdew iqumu diversi dubji fost l-ogħla awtoritajiet tal-club kemm Solskjaer kapaċi jkompli f’din it-tmexxija.
L-ex coach ta’ Spurs Mauricio Pochettino kien qed jissemma’ wkoll li jista’ jmur jikkowċja f’Old Trafford speċjalment wara li tneħħa minn mal-club ta’ Londra.
Minkejja kollox, jidher li Allegri huwa l-kandidat favorit li jieħu r-riedni tat-team minn Manchester.
Allegri ilu mingħajr xogħol sa minn Ġunju 2019 meta Juventus kienu neħħewh minn coach sabiex minfloku ħatru lil Maurizio Sarri. Hu wassal lil Bianconeri għar-rebħ ta’ ħames kampjonati konsekuttivi u f’żewġ finali tal-UEFA Champions League.
Allegri kien ukoll coach ta’ Cagliari filwaqt li għamel erba’ snin fit-tmexxija ta’ AC Milan fejn hemmhekk ukoll rebaħ il-kampjonat.
Finalment diversi ġurnalisti qed ikomplu jiżvelaw kemm id-diriġenti ta’ Manchester United jinsabu skomdi b’Solskjaer fit-tmun u qed jistennew l-okkażjoni t-tajba sabiex ineħħuh.
Jingħad ukoll li l-player ta’ nofs il-ground tar-Red Devils, Bruno Fernandes, xejn m’hu qed jara għajn m’għajn mal-coach Norveġiż wara l-umiljazzjoni kontra Tottenham Hotspur.
Solskjaer ilu fit-tmexxija sa mis-sena 2018 meta beda bħala coach temporanju minflok Jose Mourinho. Wara sensiela ta’ riżultati pożittivi huwa ġie konfermat fit-tmun tal-istess team. Hu mexxa lit-team għal 95 partita fejn minnhom rebħu 52 logħba, ġew draw f’20 okkażjoni u tilfu 23 partita.