Manchester City jistgħu jiftħu negozjati oħra sabiex jippruvaw jiksbu s-servizzi ta’ Messi

Sar magħruf li Manchester City jistgħu jiftħu negozjati oħra sabiex jippruvaw jiksbu s-servizzi tal-attakkant internazzjonali Arġentin Lionel Messi hekk kif jiftaħ is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar. Minkejja li kienu favoriti li jiksbu l-firma tiegħu matul dan is-sajf, il-player ta’ 33 sena ddeċieda li jibqa’ mal-club tiegħu

Barcelona anke jekk għal ħafna dan kollu sar kontra qalbu. 

Messi, li rebaħ sitt darbiet il-ballun tad-deheb, jidher li ma tantx jara għajn m’għajn mal-coach il-ġdid Ronald Koeman. Kien hawn fejn ġrew spekulazzjonijiet differenti dwar il-futur tiegħu tant li kien ferm qrib li jerġa’ jingħaqad mal-ex coach tiegħu Pep Guardiola li jinsab fit-tmun tas-Citizens.  

Il-kap eżekuttiv Omar Berrada tkellem dwar dawn ix-xnigħat għall-ewwel darba u qal li qed jaħsbu sabiex ikomplu jqanqlu interess f’Messi għax l-ogħla awtoritajiet tal-klabb minn Manchester iridu jaraw lil dan il-plejer jilbes il-flokk ċelesti tal-klabb.  

Berrada qal li Messi huwa player ta’ talent kbir u kapaċi jagħmel id-differenza ma’ kull tim li jkun miegħu.  

Huwa rrikonoxxa li bla dubju  Messi huwa l-aqwa player tad-dinja u hi xi ħaġa normali li ħafna jkunu jixtiequ jiksbu l-firma tiegħu.  

Berrada kompla jgħid li l-fatt li s-Citizens qed jissemmew f’dan it-trasferimenti, juri kemm bħala klabb qed ikun rispettat b’mod internazzjonali.  

Huwa għalhekk li l-ogħla awtoritajiet tal-club li jilgħab fl-Etihad Stadium se jkunu qed jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex verament jaslu għalih. 

Min-naħa tiegħu, Messi ma kkummenta xejn fuq dan kollu għalkemm fil-fond ta’ qalbu jixtieq li dan kollu jseħħ sabiex jibda avventura għal kollox ġdida fil-karriera tiegħu.  

Share With: