Meghan Markle tevita suġġetti kontroversjali

Id-Dukessa ta’ Sussex “tipproteġi” lill-familja tagħha f’dak li tgħid imma fl-istess ħin trid tagħmel differenza pożittiva

Minn Carmen Cachia

Id-Dukessa ta’ Sussex, mart il-Prinċep Harry tar-Renju Unit, issa li marret fl-Istati Uniti qiegħda tagħżel li titkellem dwar suġġetti mhux kontroversjali bil-għan li tevita problemi għall-familja tagħha. Meghan Markle, eks stilla ta’ Hollywood u eks membru tal-familja rjali Ingliża, ħadet sehem f’summit vitwali fejn evitat li titkellem dwar suġġetti jaħarqu u minflok għażlet li tisħaq li kull ċittadin għandu d-dritt li jivvota.

Markle qalet li minkejja din il-ħtieġa ta’ “restrizzjoni” hija ma tkunx kburija bħala omm jekk ma tippruvax tagħmel id-dinja li ngħixu fiha, waħda aħjar għal binha Archie.

Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex, li waqqfu mill-impenji rjali tagħhom fir-Renju Unit biex imorru jgħixu ħajja “ta’ familja normali” fl-Istati Uniti, riċentement ħeġġu lill-elettorat Amerikan biex jevita l-kliem ta’ mibgħeda (hate speech).

Din il-koppja famuża ħeġġet ukoll biex in-nies imorru jivvotaw fl-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani fejn kelliem tagħhom speċifika li Meghan u Harrry ma għamlu ebda referenza għal partit jew persuna partikolari.

Waqt il-parteċipazzjoni tagħha fis-summit tal-“Most Powerful Women Next Gen”, Meghan ġiet mistoqsija jekk il-fatt li saret omm, biddilhiex f’persuna aktar kuraġġjuża jew inkella kawtela. 

Mid-dar tagħha f’Kalifornja, hija rrispondiet li l-istint tagħha jgħidilha biex tkun aktar kuraġġjuża. “Jibda jinkwetak il-fatt ta’ x’dinja se jirtu wliedna u tibda tiftakar fl-affarijiet li bħala persuna ma stajtx tittollera waħdek. Ta’ kuljum taħseb fil-mod kif tista’ tagħtihom futur aħjar. Kemm jiena, kif ukoll żewġi Harry, qegħdin naraw kif nistgħu nagħmlu dinja aħjar għal Archie,” spjegat Meghan.

Hija żiedet tgħid li, “fl-istess ħin noqgħod attenta li ma npoġġix f’periklu lill-familja tiegħi u nipprova nkun ċara f’dak li ngħid biex ma noħloqx kontroversji. Minflok, qiegħda nagħżel li niddiskuti suġġetti partikolari, fosthom id-dritt li wieħed jivvota”.

Mistoqsija l-opinjoni tagħha dwar il-midja soċjali hija qalet li xi wħud “huma vvizzjati” tant li din tista’ twassal għal problemi fis-saħħa ta’ dak li jkun. Min-naħa tagħha hija qiegħda tieħu ħsieb li ma jkollhiex ħafna apps fuq l-Internet biex tevita ċerrti konsegwenzi. 

Meghan għalqet Twitter, Instagram u Facebook erba’ xhur qabel iżżewġet lil Harry mentri l-blog tagħha thetig.com waqaf lura fl-2017.

Share With: