Mexxejja Ewropej jikkundannaw il-provokazzjonijiet tat-Turkija fil-Mediterran

Mexxejja Ewropej illum ikkritikaw lit-Turkija, b’dan tal-aħħar qed iżid it-tensjoni fil-Punent tal-Mediterran b’mod partikolari ma’ Ċipru u l-Greċja, wara li vapur reġa’ ntbagħat fiż-żona fuq missjoni ġdida ta’ esplorazzjoni għal sorsi ta’ enerġija.

“Niddeploraw l-azzjonijiet u l-provokazzjonijiet unilaterali tat-Turkija,” tenna l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel f’kummenti li għadda lill-ġurnalisti wara summit li ra lill-mexxejja tas-27 stat membru tal-UE jiltaqgħu fi Brussell.

It-Turkija reġa’ bagħat lill-vapur ta’ riċerka Oruc Reis viċin il-gżira Griega ta’ Kastellorizo, mossa li wasslet biex terġa’ tqum it-tensjoni mal-Greċja dwar il-kwistjoni tal-fruntieri marittimi u d-drittijiet għat-tħaffir għal enerġija.

Il-Gvern Tork għaddab ukoll lill-Gvern Ċiprijott bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ mill-ġdid it-territorju ta’ Varosha. Fis-summit ta’ Brussell il-mexxejja qalu li l-Unjoni Ewropea temfasizza l-importanza tal-istatus ta’ Varosha u tagħti s-solidarjetà kollha tagħha lill-Greċja u lil Ċipru.”

It-Turkija u l-Greċja din il-ġimgħa akkużaw lil xulxin b’aġir provokatorju, fosthom pjani għal taħriġ militari fil-Baħar Eġew aktar tard dan ix-xahar, liema taħriġ jinzerta mal-festa pubblika nazzjonali taż-żewġ pajjiżi.

Share With: