Mill-inqas 17-il persuna jmutu f’inċident ikrah bejn xarabank u ferrovija fit-Tajlandja

Mill-inqas 17-il passiġġier mietu u għexieren oħrajn indarbu wara li xarabank ħabtet ma’ ferrovija fit-Tajlandja. L-inċident seħħ madwar 50 kilometru fil-Lvant tal-kapitali Bangkok, bix-xarabanak kienet qed iġġorr passiġġieri lejn tempju fil-provinċja ta’ Chachoengsao għal ċerimonja li kellha timmarka tmiem ir-Randan Buddhist.

Uffiċjal tal-Pulizija f’kummenti lill-midja lokali kkonferma li n-numru tal-vittmi jammontaw għal 17, madankollu indika li din iċ-ċifra tista’ tkompli tiela’.

Il-Gvernatur tal-provinċja, Maitree Tritilanond, f’kummenti lill-ġurnalisti qal li madwar 30 persuna kienu sfaw midrubin f’dan l-inċident.

Ritratti tal-inċident juru l-impatt qawwi li x-xarabank kellu mal-ferrovija, b’persuni mitluqin mal-art.

Bl-impatt ix-xarabank inqaleb u baqa’ jitkaxkar għal numru ta’ metri. Ħaddiema tas-salvataġġ ukoll indikaw li n-numru tal-vittmi f’dan l-inċident mistenni li jkompli tiela’.

Inċidenti simili huma komuni fit-Tajlandja. Rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li kien ippubblikat fl-2018 jindika li t-Tajlandja għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ fatalità tat-traffiku fid-dinja.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-inċidenti jkunu jinvolvu sewwieqa ta’ muturi, inċidenti li jinvolvu xarabanks u mezzi pubbliċi oħrajn kemm il-darba jiddominaw l-aħbarijiet fil-midja lokali.

F’Marzu tal-2018 mill-inqas 18-il persuna mietu, b’għexieren oħrajn jindarbu, wara li xarabank li kien qed iġorr passiġġieri li kienu qed jirritornaw lura lejn djarhom minn btala ħabat f’siġra.

Share With: