Missier ta’ tlett itfal u miżżewweġ imur għax-xogħol fl-uffiċċju bid-dbielet u t-tkaken

Minn Carmen Cachia

Raġel miżżewweġ li għandu tlett itfal ġibed l-attenzjoni tal-midja internazzjonali għall-mod kif jilbes. Huwa jemmen li l-ħwejjeġ m’għandhomx ikunu marbuta mal-ġeneru u għal dawn l-aħħar erba’ snin qiegħed joħroġ fit-toroq b’ilbies tan-nisa.

Mark Bryan, Amerikan li joqgħod il-Ġermanja u għandu 61 sena jrid jagħmel dan il-punt b’saħħa tant li qiegħed jidħol fl-uffiċċju fejn jaħdem liebes dbielet dojoq u takkuna għolja. Huwa ma jiddejjaqx jilbes hekk tant huwa hekk li jmur liebes b’dan il-mod fil-ħwienet u jibqa’ bihom anke fid-dar.

Bryan li huwa inġinier tar-robotika f’livell maniġerjali jsostni li huwa jilbes b’dan il-mod għax sempliċiment “jista’” u “l-ħwejjeġ m’għandhomx ġeneru”. Raġel bi statura twila u pulita, Bryan f’intervista ma’ “Bored Panda” qal li beda jilbes it-takkuna meta kien għadu l-Università fuq talba ta’ għarusa li kellu dak iż-żmien.

Din ix-xejra ta’ Bryan ħarġet kompletament fil-miftuħ erba’ snin ilu biss u dan wara li ddeċieda li hekk iħoss u hekk irid jagħmel. Huwa anke għamel paġna fuq is-sit soċjali ta’ Instagram @markbryan911 fejn itella’ ritratti tal-ħwejjeġ li jilbes u fil-bijografija tiegħu jagħti d-dettalji għala għandu din l-għażla “partikolari” ta’ ħwejjeġ.

“Jiena eterosesswali, kuntent fiż-żwieġ ttiegħi u nħobb il-karozzi Porsche. Inħobb nisa sbieħ u l-għena tiegħi nilbes it-takkuna u dublett fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum,” sostna Bryan. Huwa kiteb li, “nippreferi li mill-qadd ‘il fuq ikun ta’ raġel immuskolat mentri nippreferi li mill-qadd ‘l isfel ma jispeċifikax il-ġeneru”.

L-istil tipiku ta’ Mark huma tkaken għoljin u dbielet dojoq, kif ukoll iħobb jilbes bwiez tal-iswejd. Il-missier ta’ tlieta stqarr li jippreferi dublett milli libsa. “L-ilbiesi ma jagħtunix l-opportunità li nħallat il-ġeneru. Minn fuq inħobb dehra immuskolata”.

Id-ditta taż-żraben favorita tiegħu hija “Lost Ink” għax iħoss li dawn iż-żraben huma tajbin ħafna għall-irġiel minħabba li jlibbsu saqajn wisgħin. Bryan qal ukoll li jammira nisa li jilbsu dbielet dojoq u takkuna u s-sens ta’ poter li dawn il-ħwejjeġ jagħtuhom.

Martu tgħinu jagħżel u jixtri l-ħwejjeġ…

Mistoqsija li wieħed jistaqsi malli jara dan il-każ hija dwar is-sesswalità ta’ Mark u għadd ta’ persuni indirizzawlu din il-mistoqsija. “Ħafna drabi ngħidilhom li m’hiex affari tagħhom iżda drabi oħra ngħidilhom li jiena eterosesswali. Hemm xi drabi li nħossni skomdu meta jistaqsuni. Speċjalment l-irġiel u nistaqsihom jekk meta jaraw mara bid-dublett u t-tkaken jistaqsuhiex x’inhuma l-preferenzi sesswali tagħha,” spjega dan ir-raġel.

Il-mara tiegħu, li ilhom flimkien għal dawn l-aħħar 11-il sena, tgħinu jagħżel il-ħwejjeġ mentri bintu qalet li xi drabi titħajjar tissellef iż-żraben tiegħu iżda ma tkunx tista’ minħabba li huma kbar wisq.

Anke tul iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19, meta ħafna impjegati kienu d-dar bit-teleworking, Mark għażel li jibqa’ jilbes pulit b’dehra ta’ mara b’karriera tajba.

Mark Bryan għandu aktar minn 60,000 persuna ssegwih fuq Instagram u jilbes b’dan il-mod ta’ kuljum. 

Share With: