Mixli b’seba’ serqiet minn karozzi

Stefan Cutajar ta’ 36 sena minn Ħal Safi baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli b’diversi serqiet minn karozzi.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mixli b’seba’ akkużi ta’ serq aggravat u ħsara kif ukoll akkuża oħra dwar attentat ta’ serq.

L-allegati reati seħħew bejn Ġunju u Ottubru minn diversi lokalitajiet fosthom Ħal Qormi, iż-żona industrijali tal-Marsa, Ħal Luqa, Ħal Tarxien u Wied il-Għajn.

Cutajar kien mixli wkoll li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti ta’ valur għoli mingħajr spjegazzjoni wara li kien diġa’ kkundannat dwar serq fil-passat u li kiser l-ordni ta’ probation. 

L-Ispettur Roderick Agius spjega kif l-imputat ħareġ mill-ħabs f’Marzu li għadda, ingħata ċans ieħor b’ordni ta’ probation iżda xorta wettaq reati oħra. 

Il-Maġistrat Frendo Dimech filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat minħabba nuqqas ta’ affidabbiltà, ordnat li huwa jirċievi kwalunkwe trattament neċessarju waqt li jkun qed jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Sarah Zerafa. L-Avukat Yanika Bugeja dehret għar-raġel. 

Share With: