Moise Kean inkluż mal-aqwa 11-il player mir-rivista Franċiża France Football

L-attakkant internazzjonali Taljan, Moise Kean, ġie inkluż mal-aqwa 11-il player mir-rivista Franċiża France Football wara li ntlagħbet it-tmien ġurnata tal-Ligue 1. Dan il-player żagħżugħ bħalissa jinsab reġistrat ma’ Paris St Germain u fil-logħba li huma lagħbu kontra Dijon u li rebħu bl-iskor ta’ 4-0, hu kellu wirja mill-aqwa tant li skorja doppjetta.

Min-naħa l-oħra, Kean kiser rekord ieħor partikolari minħabba li sar it-tieni player żagħżugħ li skorja ma’ tliet klabbs differenti u rinomati f’dan is-seklu li ninsabu fih.  Fil-fatt, Kean għad għandu biss 20 sena u seba’ xhur u lagħab u skorja fis-Serie A, Premier League Ingliż u issa fil-Ligue 1 Franċiża.

Kean sostna li jinsab ferm għal qalbu mat-team li jilgħab fil-Parc des Princes u qal li jixtieq jibqa’ magħhom għal aktar żmien minkejja li jinsab fuq bażi ta’ self mingħand Everton. L-avventura mat-Toffees xejn ma kienet pożittiva għalih meta skorja biss żewġ goals f’31 partita. Ma’ PSG dan ir-rekord ta’ goals diġa’ kien milħuq meta hu skorja żewġ goals minn daqstant partiti.

Huwa fisser kemm il-Ligue 1 Franċiż hu wieħed importanti iżda ma fihx daqshekk pressjoni daqs il-kampjonat Ingliż. Huwa qal li fl-esperjenza qasira li qatta’ f’Goodison Park, huwa nduna li dan it-tip ta’ football ma jgħoddx għalih.

Kean kiber fl-akkademja ta’ Juventus u magħhom lagħab 16-il partita u skorja seba’ goals. Eventwalment hu mar b’self ma’ Hellas Verona fejn hemmhekk skorja erba’ goals f’19-il partita.

Min-naħa tagħhom, Paris St Germain se jkomplu jevalwaw il-progress ta’ dan il-player sabiex jiddeċiedu jekk jixtruhx għalkollox ġaladarba jgħaddi l-perjodu ta’ sena li bih hu jinsab b’self.

Share With: