Mosta b’rebħa minima fuq St Lucia
Minn Cris Muscat – ritratt: Domnic Borg
Mosta ……….1
Sta Lucia ……0
F’partita ferm bilanċjata li fiha r-riżultat seta’ mar kull naħa, Mosta għelbu l-isfida ta’ Santa Lucia bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal tant importanti jasal mill- Montenegrin, Bojan Kaljevic, kmieni fl-ewwel taqsima.
Mosta kienu tattikamet dixxiplinati u organizzati f’kull dipartiment speċjalment fl-ewwel taqsima, bl-istess jista’ jingħad għal Santa Lucia, li fit-tieni taqsima wettqu reazzjoni mill- aqwa iżda kienu erratiċi fil-konklużjonijiet tagħhom.
Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Rei Tachikawa kellu xutt minn pożizzjoni ideali jintemm għoli.
Mosta wieġbu tliet minuti wara meta freekick ta’ Clayton Failla ġie devjat f’corner mill-barriera tal- Luċjani.
Mill-corner li rriżulta, BOJAN KALJEVIC, kien fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun … żmarkat permezz ta’ daqqa ta’ ras u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Mal-kwarta logħob, it-team immexxi mill-coach, Oliver Spiteri, wieġeb permezz ta’ Rei Tachikawa b’daqqa ta’ ras, li iżda, kienet dgħajfa biex il-goalkeeper il-ġdid Mosti, il-Franċiż Christoffer Mafoumbi, salva mingħajr wisq diffikultá.
Fil-45 minuta, Sta Lucia ħolqu l-aħħar attakk tal-ewwel taqsima iżda x-xutt ta’ Kevin Ante Rosero minn pożizzjoni angolata ġie salvat minn Mafoumbi.
Wara l-mistrieħ, il-logħob żvolġa f’nofs il-ground u kien biss fis-66 minuta li waslet l-ewwel azzjoni ta’ nota, b’Mosta joħolqu l-periklu permezz ta’ free-kick insidjuż tat-Taljan Kevin Tulimieri li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Andreas Vella, li dawwar f’corner biex b’hekk ċaħħad lill-ex team tiegħu milli jirdoppja.
Fil-75 minuta, Santa Lucia, tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Iziaias Junior Duarte fajjar xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa indirizzat lejn is-saqaf tax-xibka iżda sab lil Mafoumbi pront li xellef il-ballun f’corner.
Lejn l-aħħar ħinijiet Sta Lucia ppruvaw jheddu iżda Mosta għarfu jżommu l-vantaġġ sal-aħħar … biex ħarġu bit-tliet punti.
MOSTA: 37-Christoffer Henri Mafoumbi, 8-Christ Evo Ememe, 10-Johann Bezzina (14-Matthew Attard 89), 13-Clayton Failla, 22-Tyrone Farrugia, 24-Takanori Yokochi (5-Dejan Debono 67), 30-Matias Muchardi, 33-Liam Portelli (11-Duane Bonnici 88), 34-Rafael Morisco, 86-Bojan Kaljevic, 92-Kevin Tulimieri (16-Gianluca Sciberras 79) – Coach: Davor Filipovic
STA LUCIA: 1-Andreas Vella, 2-Timmy Tabone Desira (99-Jeremy Delmar 85), 4-Junior Andre Fausto Prates Rodrigues, 5-Izaias Junior Duarte, 6-Kevin Correia, 10-Alan Da Silva Souza, 11-Kevin Ante Rosero, 17-Victor Luiz Prestes Filho, 21-Michael Camilleri (7-Adam Magri Overend 70), 88-Rei Tachikawa, 98-Kieran Xuereb (14-Romario Camilleri 70) – Coach: Oliver Spiteri
REFEREE: Trustin Farrugia Cann
ASS. REFEREES: Luke Portelli, Jurgen Spiteri
RABA’ UFF: Fyodor Zammit
SKORERS: B. Kaljevic 9 (M)
AMMONITI: A. Da Silva Souza, R. Tachikawa, V. L. Prestes Filho (SL), M. Muchardi, D. Debono (M)