NGO tisħaq li l-patt ġdid tal-UE dwar il-migrazzjoni m’għandux ikun ibbażat fuq għeluq tal-fruntieri jew deportazzjonijiet

Attivisti għal ġustizzja soċjali talbu lil Malta biex tirrevedi s-sistema ta’ migrazzjoni tagħha. Dan filwaqt li appellaw għal bidla fil-politika ta’ migrazzjoni tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tad-diskussjoni kurrenti dwar Patt ta’ Migrazzjoni Ġdid.

L-organizzazzjoni mhux governattiva Kopin saħqet li matul dawn l-aħħar seba’ snin aktar minn 20,000 persuna mietu jew għebu fil-Mediterran. 

Kopin fakkret it-traġedja li kienet seħħet fit-3 ta’ Ottubru tal-2013, meta 386 immigrant, fosthom tfal, kienu mietu mgħarrqa ’l barra minn Lampedusa, u talbu lill-Unjoni Ewropea biex tirrikonoxxi din id-data bħala l-Jum Ewropew ta’ Tfakkira u Merħba, bl-għan ta’ dan il-jum ikun li jfakkar l-imwiet traġiċi fil-Mediterran. L-NGO żiedet tgħid li dan għandu jkun “jum biex niftakru fil-passat, nikkoreġu l-preżent u naraw li l-futur Ewropew tagħna jkun tassew ibbażat fuq is-solidarjetà u r-rispett lejn il-ħajjiet umani kollha. L-umanità tagħna teħtieġ dan.”

Tenniet li kwalunke patt ġdid m’għandux ikun ibbażat fuq għeluq tal-fruntieri jew deportazzjonijiet, iżda politika li tirrispetta l-valuri fundamentali Ewropej.

“Għandna responsabilità ċara u attwali li ma nħallux l-umanità tegħreq. Is-solidarjetà u l-kompassjoni jistgħu jżommu f’wiċċ l-ilma jekk inkunu konxji u niddeċiedu li nieħdu azzjoni,” qalet Kopin.

Share With: