Operazzjonijiet mhux urġenti jiġu posposti biex itaffu l-pressjoni fuq l-ITU

Dawk l-operazzjonijiet li mhumiex meqjusin bħala urġenti bdew jiġu posposti biex tittaffa l-pressjoni fuq it-Taqsima tal-Kura Intensiva. Qalet dan l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel.

Il-kap tal-MUMN Paul Pace qal li direttivi li kellhom jidħlu fis-seħħ illum u li kienu jikkonċernaw lit-Taqsima tal-Kura Intensiva mhux se jkunu qed jiddaħħlu fis-seħħ wara li l-isptar qabel li jipposponi dawk l-operazzjonijiet mhux urġenti biex impjegati f’taqsimiet oħrajn tal-isptar ikunu jistgħu jgħinu fl-ITU.

Sal-bieraħ kien hemm seba’ pazjenti pożittivi għall-Covid-19 li kienu qed jirċievu kura fl-ITU. Huma kienu qed jinżammu apparti minn pazjenti oħrajn, b’Pace jiddeskrivi s-sitwazzjoni bħala “kriżi”.

Pace qal li l-posponiment ta’ dawk l-operazzjonijiet mhux urġenti ma tirrappreżentax is-sitwazzjoni ideali madankollu nuqqas ta’ riżorsi umani li kienu persistenti matul dawn l-aħħar snin wasslu lill-isptar biex jipprijoritizza qasam ta’ kura fuq oħrajn.

L-MUMN żiedet tgħid li mill-infermiera ġodda, 52 infermier biss bdew jaħdmu fl-Isptar Mater Dei filwaqt li 46 oħrajn ġew trasferiti ma’ entitajiet oħrajn.

Share With: