Premier: Draw ġust bejn Hibernians u Valletta
Minn Cristian Muscat – ritratt: Domnic Borg
Hibernians ……1
Valletta …….….1
F’partita ferm akkanita u bilanċjata, Hibernians u Valletta temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ġust ta’ 1-1. Iżda b’dan ir-riżultat huma fallew żewġ punti kull wieħed biex issa jinsabu ħames punti taħt il-leaders Hamrun Sparans.
Fl-ewwel taqsima Valletta kienu l-aħjar team iżda fit-tieni waħda, Hibernians dehru trasformati u kienu huma l-aktar li pproduċew logħob sabiħ u ħolqu azzjonijiet perikolużi fejn li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk, setgħu faċilment skorjaw il-goal tar-rebħa.
Kien biss man-nofs siegħa logħob li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bi free-kick ta’ Triston Caruana jgħaddi ftit għoli.
Il-Beltin komplew jipproduċu l-aħjar logħob u fl-40 minuta fetħu l-iskor b’azzjoni li bdiet minn Leandro Aguirre li ta lil Shaun Dimech li kompla lejn TAISEI MARUKAWA bix-xutt tiegħu jiġi devjat minn Chris Uzeh.
Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Hibernians resqu viċin iżda x-xutt ta’ Jurgen Degabriele ntemm ftit barra.
Il-Beltin wieġbu żewġ minuti biss wara meta Rowen Muscat venven xutt b’saħħtu mid-distanza li spiċċa għoli.
Fit-63 minuta, Hibernains rebħu penalty meta Henry Bonello waqqa’ lil Jake Grech fil-kaxxa u mill-11-il metru l-istess player ma żbaljax.
Huma komplew jagħfsu u fit-68 minuta, Gabriel Izquier Artiles xeħet cross fejn Andrei Agius kompla bir-ras lejn Ferdinando Apap iżda minn taħt il-lasti ma laqatx il-ballun.
Minuta wara, Agius għadda through pass lil Degabriele li avvanza tajjeb iżda x-xutt angolat tiegħu ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Proprju fid-90 minuta Hibernians kellhom f’saqajhom il-goal tar-rebħa iżda Degabriele kellu x-xutt fil-baxx mill-viċin salvat bi bravura minn Henry Bonello.
HIBERNIANS: 1-Matthew Calleja Cremona, 3-Ferdinando Apap, 4-Leandro Almeida da Silva, 6-Christopher Edafe Uzeh (12-Dunstan Vella 46), 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele, 11-Bjorn Kristensen, 18-Gabriel Iquier Artiels, 19-Shola Shodiya Haruna (14-Connor Zammit 91), 20-Andrei Agius, 23-Jose Wilkson Teixeira – Coach: Stefano Sanderra
VALLETTA: 1-Henry Bonello, 2-Jonathan Caruana (11-Shaun Dimech 17), 6-Triston Caruana, 8-Santiago Malano (36-Ryan Fenech 77), 18-Enmy Manuel Pena Beltre, 19-Joseph Zerafa, 20-Taisei Marukawa, 21-Eslit Sala, 24-Rowen Muscat, 25-Leandro Damian Aguirre (27-Miguel Angel Alba 69), 89-Mario Fontanella – Coach: Jesmond Zerafa
REFEREE: Malcolm Spiteri
ASS. REFEREES: Alan Camilleri, Chris Francalanza
RABA’ UFF: Philip Farrugia
SKORERS: T. Marukawa 40 (V), J. Grech pen. 63 (H)
AMMONITI: C. E. Uzeh, G. Artiles Izquier (H), E. M. Pena Beltre, H. Bonello, J. Zerafa, E. Sala (V)