Raġel iwieġeb mhux ħati li gidem żewġ uffiċjali tal-Pulizija

Il-Qorti taċċetta t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest

Fatherwor Etumuton, raġel min-Niġerja residenti ir-Rabat Malta, wieġeb mhix ħati wara li ġie akkużat li hedded, u saħansitra gidem, żewġ uffiċjali tal-Pulizija wara rapport ta’ fastidju li kien magħmul fil-konfront tiegħu.

L-Ispettur Prosekutur Jonathan Ransley saħaq li l-Pulizija kienet rċeviet rapport minn mara Maltija fuq allegat fastidju min-naħa ta’ Etumunton. Meta l-pulizija waslu fuq il-post u bdew jitkellmu mal-aggressur, huwa immedjatament beda jkun aggressiv magħhom.

Ransley saħaq kif l-akkuzat gidem liż-żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija, huma u jippruvaw jpoġġuh bil-qegħda.

L-avukat difensur Noel Bartolo, li kienet qiegħed jidher bħala avukat tal-għajnuna leglai, saħaq li l-akkużat kellu jingħata l-ħelsien mill-arrest, “hekk kif ix-xhieda kollha f’dan il-każ huma uffiċjali tal-Pulizija.” Huwa semma wkoll kif l-akkużat kellu fedina penali netta, u kien ilu jgħix ġewwa pajjiżna mill-2011 mingħajr qatt ma xellef difrejh mal-liġi. 

“La qegħdin nitkellmu fuq il-preżunzjoni tal-innoċenza, ma nemminx li dan il-persuna ħaqqu jibqa fil-kustodja tal-Pulizija. Ir-raġel jista jitressaq il-Qorti kull meta jkun hemm bżonn, u jekk jikser il-fiduċja ta’ din il-Qorti, jbagħti l-konsegwenzi ta’ dan wara.”

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża, hekk kif semmiet in-natura gravi tal-offiżi miġjuba kontriih: “Il-Pulizija qegħdin hemmhekk biex iservu dmirhom, u mhix biex jiġu nfastiditi.”

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti aċċettat it-talba ta’ ħelsien mill-arrest tal-akkużat, pero fl-istess ħin ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara. Il-Qorti wisset ukoll lill-akkużat biex ma jersaqx lejn ix-xhud tal-prosekuzzjoni, li jiffirma bail, kif ukoll li jipprovdi garanzija personali ta’ €5000.

Il-każ mistenni jitkompla fiż-żmien li ġej.

Aqra wkoll:

Żewġ uffiċjali jindarbu waqt l-arrest ta’ barrani li ta’ fastidju lil mara f’Tas-Sliema
Share With: