Raġel mixli li spara lejn is-sieħba wara argument fl-Isla

Raġel ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid tressaq il-Qorti wara li allegatament spara tiri waqt argument li kellu mat-tfajla tiegħu l-Ħadd li għadda.

Melvin Debono ġie arrestat il-Ħadd filgħaxija wara li allegatament spara żewġ tiri minn pistola Walther P99 mingħajr liċenzja waqt argument fl-Isla. 

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.00 p.m. fi Triq iż-Żewġ Mini. Il-vittma, mara ta’ 23 sena u li fortunatament ma ntlaqtitx, kienet laħqet ħarbet tiġri minn fuq il-post.

Fl-istess triq, il-pulizija sabu vettura tal-għamla Mercedes, li kien qiegħed juża r-raġel u fiha nstabu l-arma tan-nar li allegatament saret l-isparatura biha, lembuba tal-ħadid u aktar minn €18,000. Fit-triq instabet ukoll balla ta’ tir li ġie sparat.

Debono wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih li kienu jinkludu l-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja, naqas milli jinforma lill-pulizija li kien fil-pusess ta’ din l-arma, attakka lis-sieħba tiegħu u heddidha, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

L-Uffiċjali Prosekuturi, l-Ispetturi Clayton Camilleri u Audrey Micallef, informaw lill-Qorti li l-vittma ma nstabitx fuq il-post u li rrifjutat milli tkellem lill-pulizija wara l-inċident.

L-Avukati Difensuri Franco Debono u Marion Camilleri talbu li l-klijent tagħhom jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad baqa’ diversi xhieda li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, f’dan l-istadju waqt li nnutat li waħda mill-akkużi kienet ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, u fid-dawl tal-fatt li l-allegat vittma għadha ma tkellmitx mal-pulizija u għad trid tixhed, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. 

Share With: