Raġel u mara jispiċċaw l-isptar wara żewġ inċidenti separati

Raġel ta’ 24 sena minn Raħal Ġdid u mara ta’ 26 sena mir-Rabat spiċċaw l-isptar wara li ġarrbu ġrieħi gravi f’inċidenti tat-traffiku separati.

Fl-ewwel inċident, li seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-5.00 p.m. fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Alfa Romeo Stelvio li kienet misjuqa minn raġe; ta’ 53 sena residenti Ħal Qormi u mutur tat-tip Honda li kien qed jinstaq mir-raġel ta’ 24 sena.

Ix-xufier tal-mutur ittieħed l-isptar b’ambulanza fejn aktar tard ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi.

Intant it-tieni inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-7.15 p.m. fi Triq Ġorġ Borg olivier f’San Ġiljan. Mill-investigazzjonijiet preliminari tal-Pulizija jirriżulta li mutur tat-tip Kymco, li kien qed jinstaq minn Ingliż ta’ 28 sena residenti l-Isla laqat lill-mara.

Il-mara ttieħdet l-isptar b’ambulanza fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iż-żewġ inċidenti għadhom għaddejjin.

Share With: