Repubblika titlob biex Cuschieri jirriżenja jew jitkeċċa mill-MFSA

L-NGO Repubblika fi stqarrija talbet ir-riżenja jew tkeċċija taċ-ċermen tal-MFSA Joseph Cuschieri wara li mar Las Vegas flimkien ma’ Yorgen Fenech. Fenech qed jiġi mixli li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-vjaġġ, li żvolġa fl-2018, kien imħallas minn Fenech u seħħ ġimagħtejn biss wara li spiċċa minn ċermen tal-Awtorità tal-Gaming.

Fi stqarrija Repubblika qalet li l-fatt li Cuschieri aċċetta li jmur Las Vegas i vjaġġ imħallas minn Yorgen Fenech waqt li kien qed imexxi l-MFSA u xahar wara li rriżenja minn ċermen u CEO tal-Awtorità tal-Gaming (MGA) huwa ksur sejru tal-etika professjonali u jikkonferma li ma jixraqlux li jokkupa dawk il-karigi.

Cuschieri insista li ma kien hemm l-ebda kunflitt ta’ interess jew ksur ta’ etika.

Repubblika qalet li huwa sorprendenti li Cuschieri ma ddejjaqx jargumenta li l-vjaġġ lejn Las Vegas seħħ ftit wara li rriżenja mill-Awtorità tal-Gaming. Tenniet li fi żmien xahar ma titnissilx ħbiberija li twassal biex persuna tħallaslek vjaġġ b’kollox imħallas lejn Las Vegas.

Żiedet tgħid li fl-istess waqt Cuscieri kien jokkupa rwol importanti fl-industrija tas-servizzi finanzjarji.

Filwaqt li qalet li l-Gvern għandu d-dmir li jaġixxi, wissiet li r-rifjut ta’ Cuschieri li jirriżenja mill-MFSA jaf iħalli effetti wkoll fuq l-evalwazzjoni tas-servizzi finanzjarji Maltin mill-Moneyval.

Share With: