Riccardo Gaucci jirriżenja minn president ta’ Floriana
Il-president ta’ Floriana, Riccardo Gaucci ħabbar ir-riżenja tiegħu f’messaġġ qawwi li fih ikkritika lill-awtoritajiet tal-pajjiż għall-burokrazija u d-dewmien esaġerat li wasslu biex il-club ilu snin jipposponi proġett importanti ta’ investiment.
Gaucci nnota li żewġ Segretarji Parlamentari responsabbli mill-Isport taw Letter of Intent lill-club u l-Uffiċju tal-Prim Ministru bagħat 15-il ‘draft contract’ iżda baqa’ ma sar xejn.
Huwa afferma li meta l-club kien wasal biex jiffirma l-kuntratti, il-Gvern minflok ħoloq kummissjoni li tieħu ħsieb il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, u l-club ħela sentejn oħra.
Gaucci qal li dan kollu juri li l-awtoritajiet qed ikaxkru saqajhom u konsegwenza ta’ dan, il-kumitat immexxi minnu ma setax iwettaq il-proġetti li kellu, ikun finanzjarjament stabbli u jissaħħaħ kif ippjanat biex javvanza anke fl-Ewropa.
Huwa ddikjara li l-argument tiegħu jirrifletti dak li għaddejjin minnu l-clubs lokali kollha. Qal ukoll li issa wasal iż-żmien li jgawdi lill-familja wara dawn is-snin pożittivi f’Malta.