San Ġiljan jinkurunaw staġun formidabbli
Ritratt: Christine Borg
San Ġiljan……….9
Neptunes………..6
(2-1, 2-2, 3-1, 2-2)
San Ġiljan inkurunaw staġun formidabbli bir-rebħ tan-Knock-Out biex b’hekk kisbu d-double fi staġun li rebħu l-logħbiet kollha tagħhom.
Dan meta fil-finali tan-Knock-Out huma għelbu lill-ġirien Neptunes bl-iskor ta’ 9-6. Għalihom spikka ferm il-captain Matthew Zammit li rreġistra poker filwaqt li għal Neptunes l-aqwa skorers kienu Jake Muscat u Stevie Camilleri li skorjaw żewġ goals kull wieħed.
Il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor strett ta’ 2-1, bil-goals jaslu minn Matthew Zammit minn man-up wara li tkeċċa James Spiteri Staines, u Dino Zammit … wara li Jordan Camilleri fetaħ l-iskor għal Neptunes.
Fit-tieni sessjoni rrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 2-2, bl-iskorers għas-Saints ikunu Dino Zammit minn man-up wara li tkeċċa Jordan Camilleri, u ż-żagħżugħ Mattias Ortoleva. Min-naħa l-oħra, l-awturi tal-goals għal Neptunes kienu Sam Gialanze u Jake Muscat minn sitwazzjoni ta’ player aktar wara li tkeċċa ż-żagħżugħ Marco Mannino.
Fit-tielet sessjoni San Ġiljan irritornaw għar-rebħ hekk kif ittrijonfaw bl-iskor ta’ 3-1, fejn għalihom Mattias Ortoleva u Matthew Zammit (2) filwaqt li Jake Muscat skorja l-goal waħdani għal Neptunes.
Bħalma ġara fit-tieni sessjoni, l-aħħar waħda ntemmet fi draw ta’ 2-2, bl-iskorers għall-Ġiljaniżi jkunu Matthew Zammit u Andreas Galea, waqt li Stevie Camilleri skorja ż-żewġ goals għal Neptunes bl-ewwel goal jasal minn man-up wara li tkeċċa Ben Plumpton.
San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Keith Tanti, 3-Andreas Galea (1), 4-Ben Grech, 5-Marco Mannino, 6-Matthew Zammit (4), 7-Ben Plumpton, 8-Jake Bonavia, 9-Zach Micallef, 10-Darren Zammit, 11-Paul Fava, 12-Dino Zammit (2), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva (2) Coach: Dorian Pisani
Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat (2), 3-Luke Calleja, 4-Gabriel Pace, 5-Sebi Busuttil, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (2), 8-Jordan Camilleri (1), 9-Jeremy Abela, 11-Sebi Stellini, 12-Sam Gialanze (1), 13-Benji Busuttil Coach: Jovan Popovic
Referees: Mario Dalli, Massimo Angileri