San Ġiljan pass ‘il bogħod mir-rebħ tal-kampjonat

Ritratt: Christine Borg

San Ġiljan………………11

Neptunes…………………5

(2-2, 4-1, 4-1, 1-1) 

San Ġiljan jinsabu pass ‘il bogħod mir-rebħ tal-Kampjonat Premier tal-waterpolo wara li ddominaw l-ewwel play-off tal-finali kontra Neptunes fejn ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 11-5.

B’hekk huma sa issa rebħu l-konfronti kollha kontra l-ġirien  mill-Balluta – xhieda tad-dominanza assoluta tagħhom matul dan l-istaġun. Għal San Ġiljan, l-aqwa skorers kienu l-captain Matthew Zammit u Dino Zammit, filwaq li għal Neptunes, l-aktar players li rnexxielhom isibu x-xibka kienu Stevie Camilleri u Gabriel Pace, b’żewġ goals kull wieħed.

Fl-ewwel sessjoni, il-partita tat indikazzjoni li kienet se tkun waħda bilanċjata hekk kif intemmet fi draw ta’ 2-2, bil-goals għall-Ġiljaniżi jaslu minn Matthew Zammit minn man-up wara li tkeċċa Jordan Camilleri u Andreas Galea. Min-naħa l-oħra, għal Neptunes, Gabriel Pace, irreġistra doppjetta, bl-ewwel goal tiegħu jasal minn man-up wara li tkeċċa Paul Fava.

Fit-tieni sessjoni San Ġiljan ħadu r-riedni tal-logħba  ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1, bl-iskorers  ikunu Dino Zammit (2) bit-tieni goal tiegħu jasal minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li tkeċċa Luke Calleja, Andreas Galea u Matthew Zammit. Min-naħa l-oħra, Stevie Camilleri skorja l-uniku goal għal Neptunes minn penalty.

Fit-tielet sessjoni, San Ġiljan ittrijonfaw bl-istess skor li bih rebħu t-tieni waħda, jiġifieri, b’dak ta’ 4-1 u prattikament aċċertaw mir-rebħa meta bdew ir-raba’ sessjoni fil-vantaġġ ta’ 10-4. L-awturi tal-goals  kienu Paul Fava, Matthew Zammit minn man-up wara li tkeċċa Gabriel Pace, u Ben Plumpton (2), bit-tieni goal tiegħu jasal ukoll minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li tkeċċa Luke Calleja. Jeremy Abela skorja l-goal waħdani għal Neptunes.

Fil-veritá, ir-raba’ sessjoni kienet formalitá minħabba li l-Ġiljaniżi kienu qed igawdu vantaġġ ta’ sitt goals. Huma dehru komdi jamministraw u mingħajr sforz żejjed temmew din l-aħħar sessjoni fi draw ta’ 1-1.

Il-goal tagħhom wasal minn Dino Zammit minn man-up wara li tkeċċa Gabriel Pace għat-tieni darba filwaqt li Stevie Camilleri wieġeb għal Neptunes.

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Keith Tanti, 3-Andreas Galea (2), 4-Ben Grech, 5-Marco Mannino, 6-Matthew Zammit (3), 7-Ben Plumpton (2), 8-Jake Bonavia, 9-Zach Micallef, 10-Darren Zammit, 11-Paul Fava (1), 12-Dino Zammit (3), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva Coach: Dorian Pisani

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat, 3-Luke Calleja, 4-Gabriel Pace (2), 5-Sebi Busuttil, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (2), 8-Jordan Camilleri, 9-Jeremy Abela (1), 11-Sebi Stellini, 12-Sam Gialanze, 13-Benji Busuttil Coach: Jovan Popovic

Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele

Share With: