Se jiġu mnedija standards ġodda li jagħtu aktar vuċi lir-residenti fid-djar tal-anzjani

Fix-xhur li ġejjin, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tkun qiegħda tniedi standards soċjali regolatorji għad-djar residenzjali għall-anzjani. Permezz tagħhom, ir-residenti u l-qraba tagħhom se jiġu involuti aktar fil-proċess, kemm fir-reviżjoni tas-servizzi li jingħataw, kif ukoll fit-teħid ta’ deċiżjonijiet importanti dwar affarijiet bħall-ikel u l-kura li jkollhom bżonn. 

Barra minn hekk, l-istandards se jidħlu fl-aspett tal-miżuri ta’ kontroll tal-infezzjonijiet, kif ukoll jaraw li jkun hemm kordinazzjoni aħjar bejn il-professjonisti. 

Wara li jiġu mnedija dawn l-istandards, imbagħad se jsir obbligu legali li r-residenti fid-djar għall-anzjani jiġu kkonsulati. 

Dwar dan, inewsmalta tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, Matthew Vella li spjega kif saret konsultazzjoni pubblika fejn bħala Awtorità staqsew lill-anzjani u lil qrabathom biex jaraw kif jaħsbuha f’dan ir-rigward. 

Hu qal li l-parti l-kbira tar-residenti u qrabathom kienu favur li jiġu kkonsultati, filwaqt li esprimew li kemm-il darba tiġri li jiġu informati wara li tkun diġà ttieħdet id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, semma kif kien hemm djar tal-anzjani li pprovaw jikkuntattjaw lill-qraba tal-anzjani biex jinformawhom dwar is-sitwazzjoni tal-għeżież tagħhom u ma ridux imorru jarawhom peress li dawn kienu sejrin lura f’saħħithom u allura kienet weġgħa wisq kbira biex jarawhom f’dak l-istat. 

Minħabba f’hekk, Vella qal li l-istandards il-ġodda se jistabbilixxu li r-residenzi tal-anzjani jkunu jistgħu anke jipprovdu appoġġ psikoloġiku lill-qraba tal-anzjani biex ikampaw mas-sitwazzjoni li jkunu għaddejjin minnha u fl-istess waqt l-anzjani ma jitħallewx waħedhom. 

Vella spjega kif permezz ta’ dawn l-istandards trid tinbidel il-mentalità, fejn l-anzjani nfushom jingħataw il-vuċi u s-setgħa li jbiddlu l-mod kif jgħixu f’dawn ir-residenzi. Qal ukoll li dawn l-istandards se jkunu stabbiliti wkoll id-drittijiet u d-dmirijiet tal-anzjani u ta’ qrabathom, ħalli r-resident ikun jista’ jgħix ħajja ta’ kwalità. 

Share With: